Il-PM iżur il-bdiewa tal-Magħtab

Aġġornat 06:22 PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela mar jiltaqa’ mal-bdiewa li qed jipprotestaw fi Triq il-Kosta. Madwar 25 bidwi li għandhom l-għelieqi tagħhom fl-inħawi tal-Magħtab għalqu parti minn Triq il-Kosta bi protesta għall-fatt li madwar 226 tomna ta’ raba se jittieħed mill-Gvern bħala parti mill-proġett ta’ estensjoni tal-faċilità tar-riċiklaġġ tal-iskart fil-Magħtab.

Il-bieraħ, l-istess bdiewa ppreżentaw protest fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili.

Jidher li nhar it-Tnejn, il-Prim Ministru se jiltaqa’ mal-bdiewa b’mod formali.

Fuq il-post hemm ukoll iż-żewġ deputati Nazzjonalisti Edwin Vassallo u Robert Cutajar li din il-ġimgħa resqu l-ilmenti tal-bdiewa fil-parlament bl-whip Nazzjonalista jpoġġa fuq il-medja tal-kamra petizzjoni mressqa mill-bdiewa u residenti.

Fuq il-mezzi soċjali kien hemm diversi sewwieqa li qalu li din il-protesta qed toħloq it-traffiku fi Triq il-Kosta.

Facebook

“Din hija l-art li tagħtina l-ikel” – Moviment Graffitti

Attivisti minn Moviment Graffitti wkoll ingħaqdu mal-bdiewa fil-protesta, u qalu li ma jistgħax ikun li Malta tibqa’ ssib “taparsi-soluzzjonijiet” mingħajr viżjoni għat-tul.

Fuq Facebook, il-grupp ilmenta li problemi bħal dawn għandhom għeruq fondi u jitolbu soluzzjonijiet intelliġenti u strutturali. Iddeskriva soluzzjonijiet bħal dawn bħala “vizzju” fejn l-art tiġi maħtufa fil-vojt “qisha Malta għandha l-art x’taħli”.

Nifhem ir-rabja tal-bdiewa u nuri solidarjeta’. Nifhem li ebda kumpens ma jtaffi din ir-rabja ghax wara kull bidwi hemm…

Posted by Aaron Farrugia on Saturday, February 29, 2020

“Il-korruzzjoni wasslet għal immaniġġjar ħażin tas-settur tal-iskart” – Repubblika

L-attivisti ta’ Repubblika esprimew solidarjetá mal-bdiewa fi stqarrija. Qalu li l-Wasteserv intużat biex ingħataw xogholijiet lil persuni li ma kienx ħaqqhom, u li din il-korruzzjoni wasslet għal immaniġġjar ħażin ta’ dan is-settur u nuqqas ta’ ppjanar serju.

Repubblika qalet li immedjatament hemm bżonn isiru diskussjonijiet serji ma’ kull min huwa involut sabiex jitfassal pjan nazzjonali. Skonthom, il-pjan irid ikun wieħed olistiku li jinkludi miżuri biex jitnaqqas l-iskart li nipproduċu bħala soċjeta.

Żiedet tispjega li pjan olistiku irid jistudja għaliex qed nipproduċu tant skart, irid jipproponi miżuri biex jitnaqqas il-volum tal-iskart, inkluż bi programmi edukattivi imma wkoll b’leġislazzjoni fejn hemm bżonn.