Il-bdiewa se jibdew jitħallsu għall-ħsarat f’Marzu

Mix-xahar li ġej, il-bdiewa Maltin u Għawdxin li sofrew ħsara fil-maltempata tas-sena li għaddiet se jibdew jitħallsu mill-Gvern. Dan qalu il-Ministru għall-Biedja u s-Sajd Anton Refalo meta kien qed iwieġeb mistoqsija supplementari tad-deputat Laburista Glenn Bedingfield.

Il-Ministru Refalo qal li bħalissa qed jiġu ffirmati l-kuntratti mal-bdiewa u jimtlew l-applikazzjonijiet għall-ħlas.

Fi Frar tas-sena li għaddiet, Malta esperjenzat ħsarat estensivi kawża ta’ maltempata qalila li kienet ħakmet lill-gżejjer. L-ispejjeż għall-bdiewa kienu telgħu għal total ta’ €25 miljun. Minkejja dan Malta ma kinitx eliġibbli għal fondi Ewropej.

Il-Gvern kien ħabbar li minkejja li Malta ma ħaditx dawn il-fondi, il-Gvern kien beda proċess sabiex bdiewa u raħħala li sofrew danni ta’ natura strutturali waqt il-maltempata u rreġistraw il-ħsarat lid-Dipartiment tal-Agrikultura jingħataw l-għajnuna relatata.