“Il-bdiewa qed ifallu u se jbati kulħadd; bla prodotti friski Maltin”

Il-Kelliem għall-Biedja u s-Sajd għall-Partit Nazzjonalista sostna li l-bdiewa qed ifallu u se jbati kulħadd għax ma’ jibqax prodott frisk Malti.

Il-Membru Parlamentari Edwin Vassallo qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn il-Partit Nazzjonalista ħabbar proposti studjati maħsuba biex idawwru s-sitwazzjoni li tinsab fiha l-biedja Maltija. Vassallo spjega li l-qliegħ mill-biedja naqas b’9% is-sena l-oħra.

Vassallo żied jgħid kif ”l-istħarriġ tan-negozju (house business survey) jindika li sa 70% tal-ħaxix u l-frott ikkonsmat mill-Maltin qed jiġi importat.” Spjega li informazzjoni ippubblikata mill-NSO dwar il-Pitkalija turi tnaqqis fil-prodott lokali li jammonta għal 20% f’Malta u 35% f’Għawdex, meta l-popolazzjoni fl-istess dati żdiedet b’14%.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista ġew studjati fid-dettall sabiex ikunu kompatibbli mal-liġijiet Ewropej filwaqt li jippermettu l-promozzjoni tal-prodott lokali permezz ta’ assistenza teknika lill-għaqdiet tal-bdiewa u raħħala u skemi tal-promozzjoni tal-prodotti staġjonali, friski jew b’impatt minimu fuq l-ambjent. Il-Partit Nazzjonalista ppropona wkoll l-użu ta’ faċilitajiet Ewropej għall-promozzjoni tal-prodott Malti barra minn Malta li qatt ma ntużaw mill-Gvern u li jistgħu ikunu parti mis-soluzzjoni sabiex terġa’ tqum il-biedja Maltija.

Intant, il-Kandidat għall-Elezzjoni Ewropea Peter Agius spjega kif ”il-bdiewa u r-raħħala f’Malta sejrin lejn l-estinzjoni minħabba t-traskuraġni tal-Gvern kemm fl-applikazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għax mhux juża għodod Ewropej maħsuba apposta għall-promozzjoni tal-prodott agrikolu lokali. Insista li Malta huwa l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea li ma’ użatx fondi apposta għall-promozzjoni tal-prodott agrikolu barra l-pajjiż.

Iż-żewġ kelliema temmew jgħidu li jemmnu li l-konsumatur Malti kollu jmur minn taħt jekk il-pajjiż jibda jiddependi kompletament mill-prodott importat. Insistew li l-biedja Maltija għandha ħafna x’ toffri u l-politika trid tagħmel il-parti tagħha biex il-bidwi jkun jista’ jaffaċċja suq miftuħ u kompetittiv.