Il-BĊE jagħti nifs lill-Greċja

Il-Bank Ċentrali Ewropew ta nifs ieħor lill-Greċja hekk kif qabel li jħalliha tiġbed flus minn fond ta’ emerġenza għall-banek tagħha.
B’hekk tevita kriżi oħra finanzjarja għall-banek Griegi u għall-pajjiż.
Il-Greċja kienet qed titlob €3.5 biljun minn dan il-fond, iżda mhux magħruf jekk l-‘Iva’ tal-Bank Ċentrali Ewropew hix għas-somma kollha mitluba, inkella għal parti minnha, sakemm il-Greċja tasal sal-laqgħa li jmiss tal-mexxejja tal-pajjiżi membri, nhar it-Tnejn.
It-Tnejn li ġej mistenni jkun jum jaħraq għall-pajjiż hekk kif il-Bank Ċentrali Ewropew diġà ffissa laqgħa oħra, segwita mbagħad minn laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi membri, u filgħaxija, summit ta’ emerġenza tal-mexxejja tat-28 pajjiż membru.
Sa tmint ijiem wara mbagħad, il-Greċja għandha tħallas id-dejn ta’ €1.6 biljun lill-Fond Monetarju Internazzjonali, għax ġabret flimkien il-pagamenti kollha li kellha tagħti dan ix-xahar.
Kull jum li jgħaddi u kull deċiżjoni li tittieħed, huma kruċjali għall-ġejjieni tal-pajjiż fiż-żona ewro, id-dejn li għandu jħallas lill-entitajiet u lill-pajjiżi differenti, u lill-UE kollha kemm hi.