Il-BBC se jonfqu £100 miljun biex jiġbdu liż-żgħażagħ

Il-BBC, l-istazzjon nazzjonali Ingliż, se jonfoq £100 miljun f’reklami biex jiġbed lejh liż-żgħażagħ li qed iħalluh biex isegwu programmi fuq streaming bħal Netflix u Amazon.

Dan l-ammont ta’ flus hu aktar mill-baġit ta’ Radio 4 tal-BBC stess, u d-doppju daqs kemm jiswew il-programmi tal-aħbarijiet fuq il-BBC. L-ironija hija li dawn il-flejjes kollha qed jintefqu meta l-istess BBC jista’ jirreklama lilu nnifsu b’xejn fuq il-programmi televiżivi u fuq ir-radju tiegħu stess. L-ammont huwa kważi l-ħlas ta’ 650,000 liċenzja tat-televiżjoni li l-Ingliżi jkollhom iħallsu.

Parti kbira mis-somma maħsuba għar-reklami se tmur fuq il-midja soċjali peress li ż-żgħażagħ huma mitfugħa aktar fuqha. B’hekk il-BBC jikkalkula li bis-saħħa ta’ hekk dawn iż-żgħażagħ isiru jafu x’qed juru fuq l-istazzjon.

Bosta Ingliżi qed isibu li jistgħu jgħaddu mingħajr is-servizz televiżiv terrestjali billi jaqbdu l-istazzjonijiet bis-satellita. Fil-fatt in-numru ta’ liċenzji għat-televiżjoni s-sena l-oħra naqas b’37,000, l-ewwel darba li niżel f’dawn l-aħħar 10 snin.

Id-diriġenti tal-BBC jibżgħu li qed jitilfu l-faxxa tal-udjenza ta’ bejn is-16 u l-34 sena li bħalissa hi tant baxxa li dawn qatt ma jistgħu jiskopru l-programmi tagħhom jekk ma jsirux jafu bihom b’mezzi oħra.