Il-BBC akkużat li ħeba riżultati li juru li l-poplu ma jridx l-abort

L-istazzjon popolari tal-BBC qed ikun akkużat li ħeba r-riżultat ta’ sondaġġ li kkumissjona hu stess, u li wera li l-poplu Ingliż ma jridx liġijiet aktar liberali dwar l-abort.
Il-kumpannija ICM, li kienet imħallsa biex tagħmel sondaġġ għall-programm “Abortion on Trial” għall-BBC Television, sabet li m'hemmx appoġġ għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort, iżda meta l-programm intwera, ir-riżultat ta’ dan is-sondaġġ ma xxandarx u ma ssemmiex.
Il-gazzetta “Mail on Sunday” qalet li min jieħu ħsieb il-programm għażel ir-riżultati li ried, fosthom li 87% huma favur l-abort f’ċerti ċirkostanzi, iżda ma xxandrux ir-riżultat ewlieni li ma kienx jaqbel mal-viżjoni li kellu l-programm.
Għalkemm 3% biss qalu li qatt ma hu aċċettabbli li mara tagħmel abort, kien hemm anqas min-nofs (46%) li japprovaw l-abort f’każ ta’ stupru, u 45% qalu li jkun aċċettabbli jekk il-ħajja tal-omm tkun fil-periklu.
54% jaħsbu li l-mara għandha tikkonsulta mal-missier tat-tarbija fil-ġuf qabel tagħmel abort, filwaqt li 21% qalu li r-raġel m'għandux jindaħal u l-mara għandha dritt tagħżel hi.
Hemm oppożizzjoni qawwija għall-abort f’każ ta’ trabi b’diżabilità.
Il-programm kien jikkonsisti f’dibattitu bejn disa’ persuni dwar l-abort, fosthom Lord Steele li fl-1967 kien kiteb il-Liġi dwar l-Abort li issa qed jgħid li l-abort m'għandux jibqa’ reat, filwaqt li kien hemm ukoll min issuġġerixxa li l-abort isir skont is-sess tat-tarbija.
Id-Deputat Konservattiv Fiona Bruce staqsiet kif jista’ jkollok dibatittu ġust jekk il-fatti jkunu moħbija. Meta tagħżel dak li jaqbillek mir-riżultat t’a sondaġġ dan ma jibqax kredibbli.
Il-BBC ċaħad l-akkuża għax qal li r-riżultati ngħataw lill-istampa qabel il-programm.