Ritratti: “Il-bażi tal-edukazzjoni trid tkun il-formazzjoni tajba tal-ulied”

"Il-formazzjoni tal-ulied tidher fil-bażi tal-edukazzjoni li tingħata l-ewwel mill-ġenituri, imbagħad tkompli l-iskola." B'referenza għal kliem l-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li dejjem kellu għal qalbu l-edukazzjoni.
Waqt il-quddiesa f'għeluq ix-xahar mill-mewt tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, l-Arċisqof Scicluna qal li dejjem kien konvint mill-kelma ta' Ġesù, u li fl-omeliji u l-messaġġi tiegħu kien hemm proċess ta' xi ħadd li hu ppreokkupat li jwassal il-messaġġ ta' Ġesù u mhux messaġġ personali.
Żied jgħid li l-kelma għaddiet minn għajn safja, ta' proċess konxju, ta' xi ħadd li jitlef lilu nnifsu, u li Mons Mercieca kien iwassal kelma ċara, mingħajr ma joħloq firda, tensjoni jew rabja.
Mons. Mercieca u l-iskejjel – Fi żmien fejn il-Knisja kienet se tgħaddi proprjetà lill-Istat, huwa qal "B'għaqal u prudenza ħsiebna biex nirriservaw xi artijiet li jistgħu jkunu ta' siwi għal ħidmiet tal-Knisja. Parti mid-dħul tal-Knisja se jmur għall-iskejjel tal-Knisja."
Mons. Mercieca b'messaġġ lill-għalliema – "Is-servizz tagħkom hu appostolat awtentiku, ta' siwi u meħtieġ ħafna fi żmienna.
L-għalliema huma strument prezzjuż, li jrid jingħata lis-soċjetà, li ġġib quddiem is-sens tal-valuri, u li jagħti bini ta' karattru u edukazzjoni ħolistika."
L-Isqof Scicluna saqsa jekk l-istudenti humiex qed ikollhom dan l-iżvilupp tal-fakultà intelletwali u kapaċità ta' ġudizzju, kif ukoll sens tal-valuri.
Mons. Mercieca dwar it-trobbija – "Il-bażi trid tkun il-formazzjoni tajba tal-ulied, li tiġi l-ewwel mill-ġenituri, imbagħad tkompli mill-iskola.
Hekk issir il-formazzjoni tal-bniedem sħiħ. Tagħlim tar-reliġjon għandu jingħata attenzjoni, u ma jintużax dan il-ħin għal affarijiet oħra.
Tagħlim li t-tfal jirċievu fil-katekiżmu hu ta' tisħiħ u mhux sostitut."
L-Arċisqof ta' Malta rringrazzja lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, li l-Knisja dejjem sabet bieb miftuħ meta kellha bżonn għajnuna fl-edukazzjoni.
Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof bierek il-post fejn hu midfun Monsinjur Ġużeppi Mercieca.
Jikkonċelebraw mal-Arċisqof ta' Malta fil-Katidral fl-Imdina kien hemm ukoll l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona u għadd ta' qassisin.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru Bartolo u uffiċjali mid-dipartiment tal-Edukazzjoni u s-Segretarjat tal-Iskejjel tal-Knisja.
Il-kor kien animat mill-istudenti tal-iskola Our Lady Immaculate fil-Ħamrun.