Il-Bavarja timponi lockdown

Ir-reġjun tal-Bavarja, fin-Nofsinhar tal-Ġermanja, li s’issa rreġistra l-ogħla ammont ta’ mwiet bil-coronavirus fil-pajjiż, ħabbar li se jimponi lockdown iktar iebes minn nhar l-Erbgħa sal-5 ta’ Jannar.

In-nies fil-Bavarja se jkunu jistgħu jitilqu minn djarhom biss għal raġunijiet essenzjali, qal il-premier tal-istat Markus Soeder f’konferenza tal-aħbarijiet, u żied li se jkun hemm ftit rilassament fir-regoli għall-Milied iżda mhux għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena.

“Is-sitwazzjoni sfortunatament hija serja. Sempliċiment m’aħniex nagħmlu biżżejjed. Irridu nagħmlu aktar,” qal Soeder.

In-nies jistgħu jitilqu mid-dar biss biex imorru għax-xogħol, għand it-tabib jew għal xi mixja, filwaqt li l-curfews ta’ filgħaxija huma ppjanati fil-hotspots bl-ogħla rati ta’ infezzjoni. Il-ħwienet u l-iskejjel jibqgħu miftuħa iżda tfal ta’ 13-il sena jew aktar għandhom jattendu biss f’ġimgħat alternattivi.