Il-battibekki bejn l-Air Malta u l-ALPA problema għall-ekonomija – MHRA

Aġġornat 12:05 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qalet li l-battibekki bejn l-Air Malta u l-union rappreżentanta tal-bdoti l-ALPA, qed joħolqu problema għall-ekonomija tal-pajjiż.

Fi stqarrija, l-MHRA irreferiet għas-sitwazzjoni kurrenti bejn il-maniġment tal-Air Malta u l-bdoti tagħha. Qalet li fi żminijiet daqshekk diffiċli għall-ekonomija, partikolarment għas-settur tat-turiżmu, l-MHRA appellat li n-naħat kollha tal-argument għandhom jaraw li jaħdmu bi skop wieħed, jiġifieri li l-Air Malta titħalla topera għall-benefiċċju u l-benessri tal-poplu Malti u l-ekonomija. Sostniet li dan il-ġlied qed jimmina l-ħidma li saret mill-Gvern u l-Maltin li jħallsu t-taxxa biex isir l-investiment neċessarju ħalli l-Air Malta tkompli l-operat tagħha b’mod b’saħħtu.

Ilbieraħ, l-ALPA qalet li l-operat tal-Air Malta ma ġiex aġġornat sabiex jirrifletti t-tibdil li sar mil-linja tal-ajru nazzjonali wara tkeċċew l-First Officers minn mal-kumpanija.

Intant, l-MHRA irrikonoxxiet ix-xogħol u s-sagrifiċċju li jagħmlu l-maġġoranza tal-ħaddiema tal-Air Malta, similarment dawk impjegati mill-membri tagħha. Insistiet li miżuri li jnaqqsu l-ispejjeż kienu introdotti mill-maniġment fis-setturi tal-ivvjaġġar, l-ospitalità u t-turiżmu. Sostniet li dawn il-passi ttieħdu mhux biex jagħmlu dħul, iżda biex jiggarantixxu li l-kumpaniji jsalvaw qalb kriżi. L-MHRA qalet li l-ġlied bejn l-ALPA u l-Air Malta qed jiġġeopardizza l-ħidma li l-Gvern qed jagħmel biex jagħti l-ħajja lill-ekonomija.

Spjegat li ma tridx tidħol fil-mertu ta’ min hu fit-tajjeb u min hu fil-ħażin. Qalet iżda li wasal iż-żmien li ż-żewġ naħat jirrealizzaw li qed jisparaw f’saqajn xulxin u qed iwasslu biex is-sitwazzjoni tiggrava aktar, mhux biss għall-Air Malta iżda għas-setturi kollha relatati mat-turiżmu. L-MHRA qalet li l-ALPA ma tistax tippretendi li hi tingħata xi eċċezzjoni għax l-istakeholders kollha huma mistennija jaqsmu l-piż tal-pandemija tal-coronavirus.

“Jekk l-Air Malta u l-ALPA mhux se jaħdmu flimkien biex jgħinu l-ekonomija tirkupra, mela r-raġuni għaliex il-pajjiż għandu jkollu linja tal-ajru nazzjonali jisfaxxa fix-xejn,” temmet tgħid l-MHRA.

L-ALPA tgħid li m’hemmx garanzija li mhux se jkun hemm aktar disgwid

B’reazzjoni għall-istqarrija tal-MHRA, l-ALPA sostniet li m’hemmx garanzija li mhux se jkun hemm aktar ilmenti, diżgwidi u inkwiet industrijali.

L-ALPA qalet lill-MHRA li l-assoċjazzjoni offriet biex iġġorr parti akbar mill-piż milli kien ikun xieraq. Qalet li dan permezz tal-proposti ta’ tnaqqis ta’ paga offruta lill-kumpanija li taqbeż l-10% tat-tnaqqis fil-paga tal-maniġment tal-Air Malta. L-ALPA fakkret lill-MHRA li l-offerta finali li għamlet l-Air Malta tneħħiet minn fuq il-mejda ftit tas-sigħat qabel ma kellu jittieħed vot.

L-ALPA insistiet li l-Air Malta użat il-pandemija tal-coronavirus biex toħloq esplojtazzjoni tal-piloti tagħha u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Qalet li sal-lum, l-Air Malta għadha ma offrietx li tkompli t-taħdidiet biex jitranġa l-operat tal-kumpanija u tevita t-tkeċċijiet tal-ħaddiema.