“Il-battalja kontra l-korruzzjoni ma mititx ma’ Daphne”

L-eks-gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Francis Vassallo qal li l-battalja kontra l-korruzzjoni ma mititx mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iżda għandha tkompli tiġi miġġielda mill-pajjiż kollu.
F’intervent fil-programm Follow Up fuq RTK, Vassallo qal l-korruzzjoni wasslet biex titħammeġ ir-reputazzjoni tal-pajjiż, u mhux tal-partiti politiċi li kkawżawha.
Francis Vassallo spjega li l-bażi tas-servizzi finanzjarji tal-pajjiż hija r-reputazzjoni, u spjega li investituri barranin jitilfu l-fiduċja f’pajjiż jekk dan jifena bil-korruzzjoni, u l-istess reputazzjoni ħażina tista’ twassalhom biex iwaqqfu kull servizz li joffru fil-pajjiż.
Vassallo ddeskriva lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bħala pijunier tar-rappurtaġġ investigattiv fil-qasam finanzjarju, li waħdeha ġġieldet għal iktar minn għoxrin sena kontra l-korruzzjoni fil-pajjiż  u l-ħasil tal-flus.
Huwa sostna li kien wara l-assassinju ta’ Daphne li r-reputazzjoni ta’ Malta ħadet tisbita, hekk kif ġurnalisti madwar id-dinja bdew jiddeskrivu lill-pajjiż bħala “mafia state” u ċentru ta’ netwerk ta’ ħasil tal-flus meta bdew jindagaw u jirrappurtaw dwar ir-rabta bejn il-qtil tal-ġurnalista u l-problemi tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fil-pajjiż.  
Hawnhekk, huwa rrefera għall-kummenti tal-eks-regolatur tal-ħasil tal-flus fl-Ewropa, Jonathan Benton, li f’intervista mal-BBC iddeskriva l-fiduċja baxxa li investituri barranin għandhom fil-banek Maltin.
Huwa spjega li filwaqt li ammonti enormi ta’ flus kienu għaddejjin minn banek privati għal ġo banek f’pajjiżi barranin, erba’ persuni biss ġew akkużati b’ħasil tal-flus, li każ minnhom kien jinvolvi ħasil ta’ €100 miljun.
Mistoqsi jekk jarax rabta bejn il-ħasil tal-flus u l-iskema tax-xiri tal-passaporti, Vassallo qal li Daphne kienet ilha snin tikteb dwar il-ħasil tal-flus f’Malta qabel ma ġiet introdotta l-iskema tliet snin ilu.
Huwa temm jisħaq fuq il-bżonn li l-awtoritajiet u regolaturi konċernati jiġu mħarrġin kif suppost, sabiex jagħrfu attività kriminali u jwaqqfuha mill-ewwel.