Aġġornata: “Il-bastiment tal-mibegħda” ma għamel l-ebda talba biex jidħol Malta

Bastiment immexxi mill-movument tal-lemin estrem Defend Europe jinsab qrib l-ibħra Maltin u mhux magħruf fejn sejjer.
L-għan tal-ekwipaġġ ta’ C-Star huwa li jtellef bastimenti oħra li jsalvaw l-immigranti li jitħallew għal riħhom mit-traffikanti f’nofs ta’ baħar fuq daqxejn ta’ dgħajsa.
Il-Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia, qal ma' Newsbook.com.mt li ma saret l-ebda talba biex dan il-bastiment jidħol Malta.
Minkejja dan, Farrugia għadu ma weġibx dwar jekk il-Gvern kienx jaċċetta dan il-bastiment kieku l-ekwipaġġ talab li jidħol Malta.
Skont informazzjoni li għandu s-sit Malta Today, il-bastiment jinsab ibaħħar lejn Ċipru.
Dan kien deskritt mill-Parlament Ewropew bħala “l-bastiment tal-mibgħeda.” 
Mhux l-ewwel darba li dan il-bastiment ma ngħatax permess biex jidħol f’portijiet. Fost dawn ma kienx tħalla jidħol Katanja, u anke f’portijiet fil-Greċja.