Aġġornata:”Il-bastiment tal-mibegħda” jkompli jakkuża lil Malta

L-organizzazzjoni Defend Europe li ttellef is-salvataġġ tal-immigranti fil-Mediterran qalet li Malta mhux qed taċċetta l-bastiment C-Star fil-portijiet tagħha.
Skont is-sit Marine Traffic, C-Star, deskritt mill-Kummissjoni Ewropea bħala “l-bastiment tal-mibegħda,” jinsab wieqaf ftit ‘il barra mill-ibħra Maltin.
Intant fuq Twitter, l-organizzazzjoni kontra l-immigranti qalet li Malta li taċċetta diversi bastimenti ta’ NGOs oħra, mhux qed tagħti permess biex C-Star jidħol Malta.
Qalet ukoll li Malta, li saret il-bieb għal dik li sejħu bħala immigrazzjoni illegali, qed tirrifjuta ċittadini Ewropej.
Aktar tard, fi Tweet oħra, Defend Europe qalet li l-Gvern Malta mhux qed jippermetti li dgħajjes oħra fil-viċin jagħtu xi għajnuna u ilma frisk lill-ekwipaġġ.
Irringrazjat ukoll grupp ta' Maltin li fi kliemha għaddew minn viċin ic-C-Star biex jirringrazjaw lill-ekwipaġġ għall-ħidma tiegħu.
Il-Ħamis li għadda, “il-bastiment tal-mibegħda,” għamel ħin twil ibaħħar bi ftit veloċità viċin l-ibħra Maltin.
Minkejja dan, dakinhar, il-Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru Kurt Farrugia qal ma’ Newsbook.com.mt li ma kienet saret l-ebda talba biex dan jidħol Malta.
Ma kienx wieġeb xi tkun id-deċiżjoni tal-Gvern jekk l-ekwipaġġ jagħmel din it-talba.
Mhux l-ewwel darba li dan il-bastiment ma ngħatax permess biex jidħol f’portijiet. Fost dawn ma kienx tħalla jidħol Katanja, u anke f’portijiet fil-Greċja.