Il-bastiment tal-Captain Morgan kellu liċenzja biex ibaħħar lil hinn minn Malta – Il-Ministru

John Muscat

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg insista li l-bastiment Ewropa II, li ntuża mill-Gvern Malti biex iżomm numru ta’ immigranti ‘l barra mill-ibħra territorjali Maltin, kellu liċenzja biex ibaħħar aktar minn erba’ mili nawtiċi ‘l bogħod mill-kosta.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, Borg qal li l-bastiment tal-Captain Morgan li nkera mill-Gvern għal €3,000 kuljum kellu liċenzja skont il-kodiċi tan-Non-Convention Vessels.

Esperti fis-settur marittimu kienu wrew t-tħassib tagħhom ma’ Newsbook.com.mt li d-dgħajsa Europa II mhix addattata għall-missjoni tagħha.

Il-Gvern kien ħareġ tliet dgħajjes tal-Captain Morgan biex fuqhom jiġu trasferiti l-immigranti li kienu fl-ibħra Maltin.

B’kollox ġew salvati ‘l fuq minn 425 persuna iżda fis-7 ta’ Ġunju minħabba inkwiet li nqala’ fuq id-dgħajjes, wara iktar minn xahar fuq il-baħar, dawn iddaħħlu Malta.

Il-Gvern kien qed jittama li l-ispejjeż jitħallsu minn fondi Ewropej iżda l-argumenti tal-Gvern ma ġewx aċċettati mill-Kummissjoni Ewropea.