Il-bastiment Open Arms jitwaqqaf milli jsalpa minn Spanja

REUTERS/Albert Gea

L-għaqda mhux governattiva tat-tfittxija u s-salvataġġ Spanjola Proactiva Open Arms qalet li tinsab maqbuda fil-port ta’ Barċellona fi Spanja. Dan ifisser li l-bastiment tal-għaqda mhux se jkun jista’ jsalpa lejn il-Mediterran Ċentrali.

Skont ma qalet l-għaqda, l-Awtorità Marittima f’Barċellona ma tathomx permess isalpaw bir-raġuni tkun li jekk l-istati jonqsu milli jżommu mal-obbligi tagħhom li jsalvaw il-ħajja allura l-istat Spanjol ma għandux jintervjeni.

Fi tweet separata l-fundatur tal-għaqda Oscar Campos saħaq li huwa l-krudilli u rresponsabbli li l-għaqda titwaqqaf milli ssalva l-ħajjiet. Huwa kompla jgħid kif f’Jannar tal-2018, kienu 243 persuna li tilfu ħajjithom u sal-bieraħ stess inġabru 7 iġsma bla ħajja mix-xtut ta’ Sirte fil-Libja.

Il-bastiment ta’ Proactiva Open Arms jopera bejn il-Libja u n-Nofsinhar tal-Ewropa u jgħin lill-persuni li jkunu qed ifittxu ażil li jaħarbu fuq dgħajjes u dinghies u jsibu ruħhom f’diffikultà waqt li jkunu qed jaqsmu ħafna drabi mil-Libja.

Fit-28 ta’ Diċembru l-bastiment wasal lura Spanja b’311 immigrant abbord li ġew salvati ġimgħa qabel iżda li ġew rrifjutati kemm minn Malta kif ukoll mill-Italja. Il-bastiment mar lejn Barċellona fejn għabba l-provisti u kellu jerġa’ jsalpa fit-8 ta’ Jannar. Skont rapporti fil-midja internazzjonali kelliema għall-Open Arms qalet li l-Awtorità tal-Port ta’ Barċellona ma tawx permess lill-bastiment biex isalpa.

Skont stqarrija mill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi li hi responsabbli mill-Awtorità intqal li l-Open Arms ma żżommx mad-diversi regoli internazzjonali dwar is-salvataġġ fil-baħar. L-istqarrija tgħid li l-bastiment jopera f’reġjun fejn Spanja ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni f’termini ta’ salvataġġ. Kompla jiġi spjegat li minħabba l-bastiment ma għandux permessi biex isorġi f’pajjiżi viċin ta’ fejn jopera, huma jkollhom ibaħħru għal diversi ġranet qabel mal-immigranti salvati ma tħallew jinżlu mill-bastiment u dan poġġa lill-ekwipaġġ u n-nies abbord f’riskju.

F’Ġunju ta’ sena l-oħra, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez kien ħalla l-bastiment Aquarius tal-għaqdiet SOS Mediterranee u l-Medicines Sans Frontiers (MSF) jidħol fi Spanja b’600 persuna abbord.

Iktar minn 55,000 immigrant waslu fi Spanja bil-baħar matul is-sena 2018 skont statistika maħruġa mill-Aġenzja għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR).