Aġġornata: L-immigranti ta’ Alan Kurdi se jiddaħlu Malta mill-AFM dalwaqt

Sea-Eye

L-immigranti abbord il-bastiment tal-NGO Sea-Eye, Alan Kurdi, ġew trasferiti fuq bastimenti tal-Forzi Armati ta’ Malta u se jkunu qed jiddaħlu Malta minn ħin għall-ieħor.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-immigranti se jkunu qed jiddaħlu minn Haywharf.

“Qalulna li suppost morna t-Tuneżija” – Sea-Eye

Filwaqt li l-NGO Sea-Eye esprimiet il-kuntentizza tagħha għall-fatt li l-iżblokk politiku dwar l-immigranti wasal fi tmiemu spjegat li mill-ispjegazzjoni li ta l-Gvern Malti, huma kellhom jinnavigaw lejn port fit-Tuneżija.

Fi stqarrija, kelliem għas-Sea-Eye qal li ma kienux jafu b’każijiet meta l-Gwardja tal-Kosta Taljana jew l-Armata Maltija ħadu persuni li ġew salvati minn fuq il-baħar lejn it-Tuneżija. Irrimarka li ma jistgħux jifmhu kif qed jibqgħu jiġu mitluba jiksru l-liġi.

Il-kelliem insista li l-Gwardja tal-Kosta Libjana ma kienx kapaċi jassisti f’bosta emerġenzi fil-baħar Mediterran. Spjega li bħalissa għad hemm żewġ dinghies mitlufin u ħadd ma mar jipprova jfittishom. Intant tmien persuni għerqu fl-aħħar jiem minħabba nuqqas ta’ azzjoni tal-Gwardja tal-Kosta Libjana.

Il-bastiment Alan Kurdi pprojbit milli jiżbarka f’Malta – Il-Gvern

Il-Gvern Malti ħabbar dalgħodu li l-bastiment Alan Kurdi se jkun ipprojbit milli jiżbarka f’Malta.

Fi stqarrija, il-Gvern kompla jispjega li grazzi għall-koordinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-koperazzjoni ta’ Malta, l-immigranti abbord il-bastiment tal-NGO sea-eye se jitqassmu fost erba’ Stati Membri, li huma l-Ġermanja, Franza, il-Portugall u l-Lussemburgu. Sostna li l-ebda immigranti mhu se jinżamm f’Malta.

Aqra: MOAS twassal il-provvisti lil dawk abbord Alan Kurdi

Fl-istqarrija, il-Gvern irringrazzja lill-Kummissjoni Ewropea tal-irwol ċentrali li ħadet u l-assistenza li ġiet offruta mill-Istati Membri. Sostna li għal darboħra, l-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea tpoġġa taħt pressjoni mhux neċessarja sabiex jirrisolvi każ li m’għandux responsabbiltà tiegħu. Il-Gvern insista li filwaqt li ħadem sabiex ma jħallix is-sitwazzjoni tiggrava, Malta ma tistax tibqa’ ġġorr dan il-piż.

L-immigranti fuq il-bastiment Alan Kurdi ilhom għaxart ijiem jittamaw li xi ħadd jiġih ħniena minnhom u joffri port ta’ sigurtà. Min-naħa l-oħra, il-membri tal-ekwipaġġ tal-Alan Kurdi ilhom fuq il-bastiment għal total ta’ 24 jum.

Aqra: Aġġornata (2): Membru tal-ekwipaġġ tal-bastiment Alan Kurdi evakwat minħabba raġunijiet mediċi

Fl-aħħar jiem saru numru ta’ evakwazzjonijiet lejn Malta minn fuq il-bastiment, żewġ nisa b’waħda minnhom tqila u membru tal-ekwipaġġ. Dawn kollha kienu każijiet ta’ emerġenza medika.

Aqra: Filmat: “Mara tqila fuq Alan Kurdi sofriet minn attakk tal-epilessija”

Kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta qalet ma’ Newsbook.com.mt li għad m’hemmx dettalji dwar jekk l-immigranti hux se jiddaħħlu Malta permezz ta’ bastimenti oħrajn. Spjegat li għad irid isir assessjar tat-temp qabel ma tittieħed deċiżjoni.