“Il-barunijiet tad-droga qed jużaw il-festi biex iħaxxnu bwiethom” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, qal li l-barunijiet tad-droga qed jużaw il-festi sabiex ikomplu jħaxxnu bwiethom u jeqirdu liż-żgħażagħ.
Mons Grech kellu dan il-messaġġ waqt l-omelija fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija fil-Katidral tal-Assunta, ir-Rabat Għawdex.
Filwaqt li ddeskriva t-traffikar tad-droga bħala dragun, referenza biblika għall-Apokalissi, l-Isqof sostna li hu umiljanti li min jittraffika d-droga qed jinqeda bil-festi patronali biex jagħmel il-flus minn fuq persuni li bista minnhom qed ikunu anki taħt l-età.
Kompla jgħid li jekk mhuwiex biss ċimiterju ta’ mwiet bid-droga, dan il-fenomenu qed ibiddel ’l Għawdex f’ċimiterju ta’ persuni mejtin soċjalment u mentalment.
Hawnhekk appella lill-awtoritajiet biex id-droga ma tiġix miġġielda bid-droga.
Indirettament, kien qed jirreferi għad-diskussjoni attwali dwar il-leġiżlazzjoni tal-marijuana rikreattiva. Mons Grech irringrazzja lill-Fondazzjoni Oasi għall-pożizzjoni tagħha kontra leġiżlazzjoni simili.
Finalment, l-isqof temm jgħid li l-festa ta’ Santa Marija hija taqbida kontra dan id-dragun.
Ritratt: Arkivji