Filmat: Il-bars u l-każini se jibqgħu magħluqin għall-ġimgħat li ġejjin

Aġġornat 06:51 PM

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-bars u l-każini se jibqgħu magħluqin wara l-1 ta’ Diċembru.

Dan qalu lill-ġurnalisti dalgħodu wara konferenza tal-aħbarijiet.

Fis-26 t’Ottubru, il-Gvern ħabbar xi miżuri ġodda biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus. Dawn inkludew miżura biex il-bars u l-każini jagħlqu għal xahar, jiġifieri kellhom jerġgħu jiftħu fl-1 ta’ Diċembru.

Madankollu, il-Gvern iddeċieda li minħabba l-għadd ta’ każijiet ta’ Covid-19 bħalissa, il-bars jibqgħu magħluqin anke mill-1 ta’ Diċembru ‘l quddiem.

Il-Prim Ministru qal li jkun ta’ sogru jekk il-bars u l-istabbilimenti magħluqin jinfetħu issa, meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni kurrenti ta’ saħħa f’Malta. Din id-deċiżjoni kienet waħda diffiċli, qal il-PM, u ttieħdet ukoll wara li hu kkonsulta mal-professjonisti waqt żjara li għamel l-isptar din il-ġimgħa.

Wiegħed li l-Gvern se joffri sapport lil dawk in-negozji li jintlaqtu ħażin minn dawn ir-restrizzjonijiet.

Il-Gvern għandu jestendi l-għajnuniet supplimentari – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija appella li l-Gvern biex jestendi l-għajnuniet supplimentari kollha lin-negozji sal-aħħar ta’ Ġunju biex il-ħaddiema ma jitilfux l-impjiegi tagħhom.

Il-PN għamel referenza għall-istudju li sar minn PwC Malta’s Middle Market Barometer li wera kif aktar minn nofs in-negozji speċjalment dawk li jaħdmu fis-settur tar-ristortanti qed jikkunsidraw li jagħtu s-sensji lil numru ta’ impjegati. Komplew li fost ir-raġunijiet li semmew kien hemm it-twaqqif tal-iskemi ta’ għajnuna lin-negozji mill-Gvern fl-aħħar ta’ Marzu, kif ukoll dak li tħabbar iktar kmieni llum li se jkun hemm estensjoni tal-Avviż Legali li l-barijiet għandhom jibqgħu magħluqin matul ix-xahar ta’ Diċembru.

Il-Partit Nazzjonalista tenna l-appell tiegħu biex il-Gvern jestendi l-iskemi kollha inkluż dik tal-wage suppliment sal-aħħar ta’ Ġunju biex iserraħ moħħ l-imprendituri u l-ħaddiema biex ikunu salvati l-impjiegi.

Il-PN żied li l-Gvern għandu jħabbar id-dettalji tal-iskema tal-vouchers li ħabbar fil-budget.

Din l-istqarrija ġiet iffirmata mill-Kelliem għall-Industrija tal-Catering u d-Divertiment, Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Hermann Schiavone, mill- Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi Edwin Vassallo.

Staqsuni l-mistoqsijiet tagħkom hawnhekk.#AskRobert

Posted by Robert Abela on Wednesday, November 25, 2020

Illejla l-Prim Ministru Robert Abela qiegħed iwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies b’xandira diretta fuq Facebook.