Il-barrikati inkonvenjent għall-Beltin – Kunsilliera PN

Monique Agius

Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta sostnew li l-barrikati huma inkonvenjent għall-Beltin.

Fi stqarrija mibgħuta lill-media l-Erbgħa waranofsinhar, il-Kunsilliera appellaw lill-Pulizija sabiex ineħħu l-barrikati minn quddiem il-Parlament hekk kif ir-residenti u l-qraba tagħhom kien qed ikollhom problema biex jaċċessaw id-djar tagħhom.

Intant, Newsbook.com.mt jinsab mgħarraf li l-barrikati li kienu qed jimblukkaw Pjazza Ħelsien tneħħew kollha kemm huma. Tħallew biss dawk li jgħalqu d-dawra tal-Parlament. Dawn il-barrikati ma għandhomx joħolqu inkonvenjent għar-residenti.

L-istqarrija ffirmata mill-Kunsilliera Christian Micallef, Vince Fabri u Mark Spiteri Lucas, intqal li bosta residenti qed Beltin, partikolarment dawk li jgħixu qrib il-Parlament, qed jilmentaw. Filwaqt li talbet lill-pulizija jindirizzaw dan l-inkonvenjent, li qed iħabbtu wiċċhom miegħu r-residenti, talbet sabiex jaċċertaw ukoll il-protezzjoni massima lir-residenti, speċjalment fiż-żoni imsemmija.

Il-Kunsilliera insistew li huwa inaċċettabbli li resident ikollu diffikultà, ostaklu jew nuqqas ta’ sigurtà għalih u għal dawk li jkunu miegħu, biex jidħlu fir-residenza tagħhom.

Hekk kif ħafna mill-protesti kienu qed isiru fi Pjazza Ħelsien fl-istess waqt li kienu jkunu għaddejjin is-seduti parlamentari, il-barrikati fil-pjazza bdew jiżdiedu dejjem iktar. Dan sabiex jimpedixxu lid-dimostranti milli jaċċessaw żoni viċin tal-entraturi tal-Parlament li minnhom jgħaddu d-deputati.

Propju llum, il-Parlament ġie aġġornat għall-vaganzi tal-Milied. Dan sar fi żmien aktar kmieni mis-soltu. Issa l-Parlament se jerġa’ jiftaħ fl-20 ta’ Jannar fid-9am, wara li jkun intagħżel Prim Ministru ġdid għall-pajjiż.