​Il-barranin jieħdu xogħol il-Maltin minħabba nuqqas ta’ ħiliet – KE

Rapport dwar Malta ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea llum juri kif aktar minn 30% tal-kumpaniji jemmnu li żdiedet il-problema ta’ nuqqas ta’ ħiliet meta mqabbel mas-snin li għaddew. Skont ir-rapport, il-kumpaniji jgħidu li dan iwassal biex ċertu xogħlijiet jingħataw lil ħaddiema barranin, inkluż f’livelli għolja.
Il-ħiliet u l-edukazzjoni jagħmlu parti minn sezzjoni analizzata f’dan ir-rapport tal-KE, li toħroġ kull sena dwar kull stat membru fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jittratta l-qagħda ekonomika u soċjali, inkluż tal-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi.  
Ir-rapport jirrimarka li minkejja t-titjib fl-aħħar snin, il-ħaddiema f’Malta jibqgħu bi kwalifiki baxxi. Fl-2016, Malta kellha l-ikbar sehem ta’ persuni bejn 25 u 64 sena bl-inqas kwalifiki. B’kollox kienu jammontaw għal 54.8% tal-Maltin.
Skont ir-rapport, Malta għad għandha l-isfida tar-rata għolja ta’ studenti li jieqfu kmieni mill-iskola. Isemmi kif fl-2016, Malta kellha waħda mill-ogħla rati ta’ studenti li jħallu l-iskola kmieni fl-UE u li għadha ‘l bogħod milli tilħaq il-mira ta’ 10% fl-2020. Bħalissa r-rata f’Malta hi ta’ 19.6%.
Huma l-irġiel aktar min-nisa li jħallu l-iskola kmieni. Ir-rata hi għolja ħafna għall-persuni b’diżabilità – 39.5% meta mqabbel mal-medja ta’ 22% fl-UE fl-2015.
Il-Kummissjoni Ewropea tinnota wkoll li Malta qed timplimenta numru ta’ miżuri biex tipprevjeni jew tikkumpensa għat-tluq kmieni mill-iskola. Temmen li t-titjib mistenni jidher aktar ‘il quddiem, minkejja li l-aħħar progress ma kienx impressjonanti.
Madanakollu tirrimarka li bdew iħallu l-frott l-isforzi biex jiġu indirizzati l-għadd kbir ta’ żgħażagħ li joħorġu mill-iskola b’livelli baxxi ta’ ħiliet.
Bejn l-2009 u l-2015 ġie nnutat titjib fil-ħiliet bażiċi fost iż-żgħażagħ, hekk kif imkejla mill-Programm Internazzjonali dwar l-Assessjar tal-Istudenti (PISA). Iżda, skont ir-rapport ir-rata għadha dgħajfa.
L-istatus soċjoekonomiku jinfluwenza ħafna l-prestazzjoni tal-istudent, kif ukoll it-tip ta’ skola li jattendi. Irriżulta li l-istudenti fl-iskejjel privati jmorru l-aħjar, segwiti minn dawk li jattendu skejjel tal-Knisja, imbagħad dawk fl-iskejjel tal-istat.
Ir-rata ta’ persuni b’edukazzjoni terzjarja qed tikber konstantament imma xorta għadha taħt il-medja Ewropea. Ir-rata żdiedet fost dawk bejn 30 u 34 sena, iżda tibqa’ waħda mill-aktar baxxi fl-UE.
Ir-rata ta’ impjiegi disponibbli għal dawk b’edukazzjoni terzjarja żdiedet bejn l-2013 u l-2015. Ir-rata ta’ 97% hija waħda mill-ogħla fl-UE, u tirrifletti d-domanda għal edukazzjoni għolja u xogħol b’ħiliet f’Malta.
Ir-rapport jiżvela wkoll kif minkejja ħidma sinifikanti biex f’Malta jiġi offrut childcare b’xejn għal kulħadd, il-parteċipazzjoni ta’ tfal taħt it-3 snin li jattendu childcare tibqa’ taħt il-medja Ewropea.
Dan jista’ jkun marbut mal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jitqies fil-kuntest ta’ livell ta’ edukazzjoni baxxa u populazzjoni għolja ta’ migranti.
Il-KE tfaħħar il-progress ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna – Il-Gvern
B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Gvern ħareġ stqarrija, li fiha  laqa’ dak li qalet il-KE dwar il-Country Report ta’ Malta, fost l-oħrajn li faħħret il-progress ekonomiku u soċjali ta’ Malta. Semma wkoll li ż-żieda fl-impjiegi hu l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.
Irrimarka li skont il-Kummissjoni, il-faqar u r-riskji ta’ esklużjoni soċjali naqsu għal-livelli li kienu preżenti l-aħħar fl-2008.
Fattur ieħor li jsemmi l-Gvern huwa li Malta kellha l-inqas volatilità fl-inflazzjoni mill-pajjiżi kollha tal-UE.
Il-Gvern jisħaq li jibqa’ kommess li jkompli jwettaq il-mandat li ngħata fl-aħħar elezzjoni ġenerali biex jibni futur aħjar għall-familji u n-negozji.
Aqra r-rapport sħiħ hawn taħt.