Il-baritnu żagħżugħ Għawdxi lura mill-Istati Uniti

Waqt żjara qasira ta’ mistrieħ li qed jagħmel f’art twelidu mill-Istati Uniti tal-Amerika fejn qed jistudja fil-Curtis Institute of Music ġewwa Philadelphia, il-baritnu żagħżugħ Charles Buttiġieġ ta wirja stupenda ta’ kant quddiem sala mimlija nies fil-Lukanda Kempinski f’San Lawrenz  li kienet tinkludi siltiet mill-Opri fosthom ‘Ah! Per sempre io ti perdei’ mill-Puritani ta’ Vincenzo Bellini; ‘Dei vieni alla finestra’ mid-Don Giovanni ta’ Mozart; ‘Come Paride vezzoso’ mill-Elisir d’Amore ta’ Donizetti u ‘Bella siccome un angelo’ mid-Don Pasquale ta’ Donizetti wkoll.

Wara li l-Kav. Joe M Attard qara l-poeżija tiegħu ‘Ara….wasal il-Milied’, il-baritnu Buttiġieġ akkumpanjat fuq il-Pjanu minn Dr Mro John Galea, issokta l-kunċert tiegħu billi kanta l-‘Lord’s Prayer’ ta’ A. Malotte segwita minn ‘Occhi  di fata’.  Kien imiss l-Mro John Galea li daqq fuq il-pjanu n-‘Nocturne in B Major’ ta’ Chopin.  Il-programm kollu li għalih kienu preżenti fost l-oħrajn l-Ministru għal Għawdex Dr Justyne Caruana, is-Segretarju Parlamentari l-Perit  Clint Camilleri, l-Onor Frederick Azzopardi,  ic-Charge’ d’Affaires tal-Istati Uniti tal-Amerika għal Malta, Il-Magistrat Coppini , s-Sur Anton Tabone ex Speaker tal-Kamra tad-Deputati u ex-Ministru għal Għawdex, is-Sindku u l-Arċipriet t’Għajnsielem fejn twieled u kiber dan iż-żagħżugħ Baritnu, flimkien ma’ bosta Għawdxin, Maltin u barranin  ġie fi tmiemu bl-esekuzzjoni ta’ Silent Nigħt (li qed tagħlaq 200 sena), Holy Night u White Christmas.

Riedu jkunu l-qlub tajba u ġenerużi ta’ diversi sponsors li taw l-għajnuna tagħhom fosthom il-Ministeru għal Għawdex, l-Ambaxxata Amerikana f’Malta, l-ECO Għawdex, il-Lukanda Kempinsky, il-Gozo Village Holidays, l-AS Consalt Advocates, il-Kunsill Lokali, Giuseppe Restaurant, ir-Rexy Restaurant, Marie’s Hair Salon u Agius Backer ilkoll minn Għajnsielem, il-Fuli Kiosk u Cefai Formal Wear biex seta’ sar dan il-kunċert li ħalla togħma ferm tajba fost dawk kollha li attendew.

L-appuntament li jmiss mill-JP2 Foundation huwa l-Gimgħa 4 ta’ Jannar 2019 fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Għajnsielem bis-sehem tal-kantanta Għawdxija Miriam Christine Borg u Victorio Gauci fit-8.00pm. Kulħadd mistieden; dħul b’xejn!

Kav. Joe M Attard

Victoria Għawdex