Il-bankiera kontra taxxa fuq il-profitti tal-banek

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bankiera tgħid li l-windfall tax jaf ikollha riperkussjonijiet devastanti fuq l-ekonomija u l-istabbiltà finanzjarja ta’ Malta.

Bankers

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bankiera qalet li l-windfall tax jaf ikollha riperkussjonijiet devastanti fuq l-ekonomija u l-istabbiltà finanzjarja ta’ Malta. Hija qalet li tinsab imħassba serjament dwar is-sejħiet li qed isiru biex tiġi imposta windfall tax fuq il-profitti tal-banek. Intqal ukoll li din hija idea għaż-żmien qasir u ma tħarisx fit-tul filwaqt li ħeġġet kontra l-impożizzjoni ta’ taxxa bħal din li tista’ tidħol fuq il-profitti għolja tal-banek.

Ġie spjegat li l-idea li l-banek jagħmlu profitti eċċessivi hija ħrafa li għandha tiġi indirizzata.

Intqal li l-banek huma fost l-aktar entitajiet li għandhom regolamentazzjoni qawwija, b’superviżjoni fil-livelli lokali, Ewropej u internazzjonali.

Fakkru li fuq il-profitti tagħhom il-banek ħallsu mijiet ta’ miljuni ta’ ewro f’taxxi diretti u għexieren ta’ miljuni oħra f’taxxi indiretti. Spjegaw li eluf ta’ investituri jibbenefikaw minn dawk il-profitti permezz tad-dividends li jirċievu. Stqarrew ukoll li s-sena 2020se tkun waħda mill-aktar snin iebsa fil-memorja għall-profittabilità tal-banek.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li l-laqgħat mal-awtoritajiet u l-Ministri saru regolarment minħabba l-imxija tal-coronavirus u għalihom attendew il-Kapijiet Eżekuttivi u eżekuttivi tal-banek domestiċi ewlenin f’Malta.

Ġie diskuss kemm l-operat għas-servizzi essenzjali tal-banek kif ukoll l-appoġġ li għandha tingħata l-ekonomija lokali f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. Il-banek esprimew l-impenn bla waqfien tagħhom biex jgħinu is-setturi kollha tas-soċjetà Maltija.

Ġie spjegat li d-diskussjonijiet jinsabu wkoll fi stadju avvanzat mal-Malta Development Bank dwar skemi ta’ garanzija mħabbra mill-Gvern bħala parti mill-miżuri biex jgħinu l-ekonomija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn