Il-bank tal-Ikel jiġġieled il-ġuħ u l-ħela

Il-Papa Franġisku jiltqa' ma mexxejja u voluntiera tal-Food Banks fl-Ewropa

F’diskors li għamel lil dawk responsabbli mill-“Food Banks” fl-Ewropa, il-Papa Franġisku kkundanna il-“mentalità tal-ħela” li tarmi n-nies u l-ikel u faħħar l-isforzi ta’ solidarjetà ma’ dawk fil-bżonn. Dan id-diskors għamlu nhar is-Sibt meta ltaqa’ mal-membri u l-voluntiera tal-Federazzjoni tal-‘Food Banks” Ewropej.

Din l-organiżazzjoni karitatevoli qed tiċċelebra t-30 anniversarju mit-twaqqif tagħha fl-Italja. Dawn il-Banek tal-Ikel għandhom żewġ skopijiet. Wieħed li jnaqqsu l-ħela u t-tieni li jtaffu l-problema tan-nuqqas ta’ ikel għal dawk fil-bżonn.

Il-Papa Franġisku rringrazzja li “Food Baks” tal-Ewropa talli qed jipprovdu ikel lill-foqra u jnaqqsu l-ħela. “Il-ġlieda kontra l-pjaga tal-ġuħ tfisser ukoll li qed tiġġieldu l-ħela” qal il-Papa. Hu qal li l-ikel imqassam minn dawn il-banek hu “ġest tanġibbli ta’ akkumpanjament fit-triq tal-liberazzjoni”.

“Intom tieħdu dak li jitwaddab fiċ-ċiklu vizzjuż tal-ħela u tpoġġuh fiċ-ċiklu virtwuż biex isir użu tajjeb minnu”.

Mentalità tal-Ħela

Il-Papa rrifletta fit-tul dwar il-fenomenu tal-ħela u qal li “dan juri indifferenza lejn dawk li ma għandhomx u lejn l-affarijiet”. Hu qal li l-“Food Banks” ifakkruna f’Ġesù li wara li qassam il-ftit ħobż lill-folla, talab lid-dixxipli jiġbru dak li kien fadal “biex ma jinħela xejn”.

“Meta tarmi l-ikel tkun qed tarmi n-nies. Hu skandaluż li ma nindunawx li l-ikel prezzjuż hu tajjeb u kemm minnu jispiċċa mormi u dan hu ħażin.” Hu qal li r-rimi ta’ ikel tajjeb hu vizzju ħażin li jista’ jiġri wkoll fil-ħidma ta’ karità meta l-burokrazija amministrattiva żejda tfixkel il-ġid li jista’ jsir b’dan l-ikel.

Il-ħidma għall-karità tinħtieġ viżjoni, tagħrif loġistiku u kontinwità biex taħdem tajjeb. “Ix-xogħol tagħkom jibgħat messaġġ li l-futur ma nibnuħx billi naħsbu fina nfusna u l-vantaġġi tagħna imma l-progress għal kulħadd jikber kull darba li nimxu ma’ dawk li baqgħu lura”.

L-ekonomija globali tinħtieġ is-solidarjetà  

Papa Franġisku qal li lekonomija globali għandha bżonn is-solidarjetà biex tkun aktar umana u ma ssirx “makna li tgħaffeġ fuq il-bnedmin”.

“Kif nistgħu nħossuna komdi meta l-bnedmin qed nirriduċuhom f’numri, meta l-istatistika tieħu post l-uċuħ tan-nies, meta l-ħajja saret tiddependi fuq is-swieq tal-ishma?”, staqsa l-Papa.

Hu mbagħad offra xi soluzzjonijiet. Sostna li l-instabilità u l-użu tal-forza, m’humiex is-soluzzjoni. Appella lil kullħadd biex jgħinu lil dawk li qed jaħdmu biex jippromwovu s-solidarjetà u jinkoraġixxu mudelli ta’ żvilupp bażati fuq l-ugwaljanza, id-dinjità tal-persuna umana, il-familji, il-futur taż-żgħażagħ u r-rispett lejn l-ambjent.”

“Il-ħela m’għandhiex tkun l-aħħar kelma imħollija għall-posterità mill-ftit sinjuri filwaqt li l-maġġoranza tal-umanità tibqa siekta”, qal il-Papa Franġisku.