Il-Bank Pilatus ma jweġibx hux jikser il-liġi

Il-Bank Pilatus f’Malta ma weġibx il-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk kisirx il-liġi meta ddikjara li l-Prim Ministru jew il-familja tiegħu mhumiex klijenti tal-Bank.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt biex jiċħad jew jikkonferma jekk iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u wlied id-dittatur tal-Ażerbajġan, għandhomx kont fil-Bank, kelliem għall-Bank Pilatus qal biss li huma projbiti mil-liġi li jiddiskutu l-klijenti.  
Mistoqsi f’intervista minn The Times, iċ-Ċermen tal-Bank Pilatus Seyed Ali Sadr Hasheminejad qal ukoll li ma jistax jikkumenta fuq il-klijenti minħabba kunfidenzjalità. Madanakollu żied jgħid li l-Bank tkellem dwar jekk il-Prim Ministru għandux kont, minħabba li għaddejja inkjesta maġisterjali dwar il-każ u għax ma baqgħetx biss spekulazzjoni.
Hasheminejad qal ukoll li l-lista tal-klijenti u d-dokumenti kollha għaddew f’idejn l-awtoritajiet.
Il-Bank Pilatus jinsab fiċ-ċentru tal-kontroversja, hekk kif qed jiġi allegat li dokumenti miżmuma f’safe fil-kċina tal-Bank f’Ta’ Xbiex, juru li sidt il-kumpanija Egrant fil-Panama u li fiha ġew trasferiti $1 miljun mit-tifla tad-dittatur tal-Ażerbajġan, hija Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.  Kemm il-Prim Ministru kif ukoll martu qed jiċħdu l-allegazzjonijiet.
Fl-intervista ma’ The Times, Hasheminejad stqarr li fiż-żewġ bagalji li ħareġ bihom mill-Bank il-Ħamis filgħaxija, ma kienx fihom evidenza li tista’ tinkriminah. Stqarr li għalih kienet ġurnata normali u li dakinhar ma tneħħew l-ebda rekords ta’ klijenti.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-kelliem għall-Bank Pilatus qal ukoll li l-Bank qatt ma kellu klijenti li ma ssodisfawx ir-regolamenti tar-regolaturi bankarji u aġenziji oħrajn. Saħaq li wara li jsir il-proċess tad-diliġenza meħtieġa, il-Bank jiddetermina jekk il-klijent prospettiv jgħaddix mir-regolamenti stretti u jiġi assessjat jekk għandux jiġi aċċettat.
Ma jweġibx lanqas dwar investigazzjoni mill-FIAU
Il-Bank Pilatus ma weġibx lanqas dwar jekk is-sena li għaddiet il-Bank Pilatus kienx investigat mill-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), l-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus.
Stqarr li bħala istituzzjoni finanzjarja, il-Bank ma jistax jikkummenta dwar spezzjonijiet minn xi regolatur.  Irrefera lil Newsbook.com.mt għand l-FIAU għar-riżultati konklussivi dwar spezzjonijiet li setgħu saru.  Il-kelliem saħaq li l-Bank Pilatus jonora l-istandards finanzjarji, regolatorji u korporattivi.