​Il-Bank of Valletta u l-Kamra tal-Kummerċ isaħħu r-rabtiet tagħhom

Il-Bank of Valletta ġedded ir-rabtiet tiegħu mal-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija. Dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni li jmur lura aktar minn deċennju ġie ffirmat minn  Frank V. Farrugia, President tal-Kamra u mid-Deputat President David Xuereb. Il-Bank kien rappreżentat minn Kenneth Farrugia, Chief Business Development Officer (Investments) li kien akkumpanjat minn Mark Scicluna Bartoli, Head EU & Institutional Affairs.
Il-ftehim se jkun qed jara liż-żewġ partijiet jikkollaboraw mill-qrib biex jiksbu l-objettiv komuni tagħhom li jippromwovu l-intrapriża u t-tkabbir għall-benefiċċju tal-ekonomija.
Frank V. Farrugia qal li bl-għajnuna tal-Bank of Valletta matul dawn l-aħħar snin, il-Kamra wettqet xogħol siewi u nediet inizjattivi speċjalment dawk immirati lejn l-appoġġ lin-negozji ż-żgħar.