Il-Bank of Valletta jniedi servizz ġdid għall-ftuħ ta’ kontijiet

Il-proċess biex wieħed jiftaħ kont bankarju personali għall-ewwel darba għandu jkun wieħed sempliċi u s-servizz il-ġdid għall-ftuħ ta’ kontijiet li qed joffri l-Bank of Valletta, huwa proprju hekk.

Il-BOV Fast-Account Service huwa disponibbli għal klijenti ġodda u jista’ jkun is-soluzzjoni ideali għall-pensjonanti, riċevituri ta’ benefiċċji soċjali, individwi li huma finanzjarjament dipendenti fuq xi ħadd ieħor jew impjegati b’salarju annwali sa €50,000. Dan is-servizz huwa konvenjenti ħafna għaliex klijenti ġodda li jixtiequ jiftħu kont tat-tfaddil għall-ewwel darba mal-BOV, jistgħu jinqdew mill-kumdità ta’ darhom permezz tat-telefon.

“Matul dawn l-aħħar snin, il-ftuħ ta’ kont bankarju sar proċess oneruż minħabba rekwiżiti regolatorji stretti. Il-Bank of Valletta huwa impenjat li jittrasforma s-servizz tagħna għal wieħed li huwa aktar veloċi, ċar u li jiffoka fuq il-klijent,” qal Geoffrey Ghigo, Kap tan-Netwerk tal-Fergħat tal-Bank of Valletta. “Il-kunċett wara l-BOV Fast-Account Service huwa sempliċi ħafna u l-intervista ta’ onboarding li ssir qabel jinfetaħ kont, issa ħa nkunu nistgħu nagħmluha permezz tat-telefon. Wara dan, il-klijent kemm iżur il-fergħa preferuta b’appuntament biex sempliċement jiffirma u jigbor id-dokumentazzjoni.”

“Mhux kull ftuħ ta’ kont ġdid jista’ jsir bit-telefon, imma nikkalkulaw li madwar 80% tal-kontijiet personali ġodda jistgħu jinfetħu bl-użu ta’ dan is-servizz. Il-klijenti jibbenefikaw għax iqattgħu inqas ħin fil-Bank jew fil-kju,” temm jgħid Ghigo.

Dan is-servizz jgħodd għal min jixtieq isir klijent ġdid tal-Bank of Valletta u li m’għandu l-ebda prodott jew servizz mal-Bank.  Is-sors tal-flus li jidħlu fil-kont bankarju l-ġdid irid ikun ġewwa Malta u jistgħu jidħlu biss permezz ta’ kreditu dirett (direct credit). Ladarba jinfetaħ il-kont, il-klijent il-ġdid jingħata BOV Cashlink Card b’xejn li biha jista’ jħallas għax-xiri u jużaha fl-ATMs u l-BOV Internet u Mobile Banking biex iwettaq ħtiġijiet finanzjarji kullimkien f’kull ħin tal-ġurnata.

Biex tiftaħ kont bankarju ċemplilna fuq 2131 2020 jew ibgħatilna email fuq info@bov.com. Ir-rappreżentanti tagħna lesti biex jiggwidawk u jgħinuk. Aktar informazzjoni tinstab fuq https://www.bov.com/content/new-customer.

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, Il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u hija liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).