Il-Bank of Valletta jerġa’ jiftaħ 3 Fergħat f’Malta u Aġenzija f’Għawdex

Read in English.

Il-Bank of Valletta bi pjaċir iħabbar li b’effett minn nhar il-Ħamis 2 ta’ Lulju 2020, se jerġa’ jiftaħ aktar fergħat, u b’hekk in-numru totali ta’ fergħat u aġenziji miftuħa se jlaħħaq il-35.

Il-Fergħat ta’ Birżebbuġa u Bormla flimkien mal-Aġenzija tax-Xewkija f’Għawdex se jkunu miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.30am u s-1.30 pm. Tisrif ta’ ċekkijiet, u ġbid ta’ flus jistgħu isiru sa nofsinhar skond l-iskeda normali ta’ qabel il-COVID. Nhar ta’ Sibt, dawn il-fergħat u l-aġenzija se joffru servizzi li mhumiex tal-kaxxiera mit-8.30am san-12.30 pm. Il-Fergħa f’Tas-Sliema se tkun miftuħa mit-Tnejn sas-Sibt għal servizzi mhux ta’ kaxxier.

“Ninsabu kuntenti li qegħdin f’pożizzjoni li niftħu dawn l-erba’ fergħat popolari,” iddikjara Geoffrey Ghigo, Head Branch Network tal-BOV. “Il-mira tagħna hija li niftħu s-sitt fergħat li fadal kemm jista’ jkun malajr, madankollu bħal ħafna negozji oħra, aħna għadna qed niffaċċjaw ċertu nuqqas ta’ riżorsi umani, sitwazzjoni li ġabet magħha il-COVID-19.”

“Matul il-pandemija, rajna żieda sinifikanti ta’ klijenti li għażlu li jagħmlu użu mill-firxa tas- servizzi diġitali tagħna,” kompla s-Sur Ghigo. “Inkomplu nħeġġu lill-klijenti tagħna biex jippruvaw dawn servizzi bankarji li joffru sigurta u konvenjenza. Illum il-biċċa l-kbira tan-nies jagħmlu użu mill-internet u kull ma jkun hemm bżonn hu li wieħed jipprova juża dawn is-servizzi diġitali li joffru tant konvenjenza.”

Il-klijenti jistgħu jevitaw il-kjuwjiet billi jużaw l-ATMs fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata għall-bżonnijiet ta’ flus kontanti tagħhom. Jistgħu wkoll jagħżlu li jagħmlu l-pagamenti tagħhom permezz ta’ servizzi contactless bħalma huma il-BOV Cards, BOV Pay, BOV Mobile u Internet Banking.

“Matul dawn l-aħħar xhur ħdimna bla waqfien biex intejbu l-esperjenza tal-klijenti fil-fergħat tagħna. Numru tajjeb tal-klijenti tagħna issa qed jagħmlu appuntamenti minn qabel għal servizzi li mhumiex tal-kaxxiera bħal self għad-djar, self personali, investimenti, ftuħ ta’ kontijiet, applikazzjonijiet għal Credit u Debit Cards u Internet u Mobile Banking sabiex l-esperjenza tagħhom ġewwa l-fergħa tkun aktar sigura,” ikkonkluda s-Sur Ghigo.

Il-klijenti jistgħu jagħmlu appuntament għal servizzi li jinkisbu mill-fergħat apparti s-servizzi tal-kaxxier billi jibagħtu email fuq info@bov.com bit-tip ta’ servizz meħtieġ, numru tal-mobile, numru tal-Karta tal-Identità u l-fergħa l-aktar konvenjenti għalihom jew billi jċemplu fuq +356 2275 3500 mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00am sal-4.00pm.

Iktar dettalji jistgħu jinstabu permezz ta’ dan il-link.

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, il-Belt Valletta VLT 1130. Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA, liċenzjata biex twettaq in-negozju tas-servizzi bankarji u ta’ investiment skont l-Atti tas-Servizzi Bankarji u ta’ Investiment (Kap.370, 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).