Il-Bank of Valletta jappoġġja l-Youth 4 Entrepreneurship Gozo

Read in English.

Il-Bank of Valletta se jkun qed jappoġġa t-tieni edizzjoni tal-‘Youth 4 Entrepreneurship Gozo’ li qed tiġi organizzata minn The Gozo Business Chamber, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, l-Aġenzija Żgħażagħ, u ċ-Ċentru ta’ Informazzjoni Europe Direct Gozo.

Il-‘Youth 4 Entrepreneurship Gozo’ ta’ din is-sena se tikkonsisti f’konkors għal żgħażagħ interessati fl-intraprenditorija u s-sostenibbiltà u li għandhom ideat innovattivi li jistgħu jservu ta’ soluzzjonijiet għall-isfidi ambjentali li tiffaċċja l-gżira Għawdxija. L-idea rebbieħa tikseb premju ta’ €500.

“Fil-Bank of Valletta kburin li qed nappoġġjaw din l-inizjattiva. Nemmnu bis-sħiħ li ż-żgħażagħ jistgħu jkunu katalisti għal bidla pożittiva,” qal Mark Scicluna Bartoli, Eżekuttiv tal-EU and Institutional Affairs fi ħdan il-Bank of Valletta. “Il-Youth 4 Entrepreneurship hija opportunità għaż-żgħażagħ biex jippreżentaw ideat li jħallu impatt pożittiv fuq il-futur ta’ Għawdex. Se tipprovdilhom pjattaforma biex isemmgħu leħinhom u potenzjalment jagħtu l-ħajja u jattwaw l-ideat tagħhom.”

Residenti ta’ Malta u Għawdex li għandhom bejn is-16 u t-30 sena huma mistiedna jipparteċipaw f’dan il-konkors u jissottomettu l-proposta tagħhom sal-Ġimgħa 16 ta’ Ottubru 2020. Il-proposti għandhom ikunu innovattivi, relatati ma’ Għawdex u jiffukaw fuq approċċi sostenibbli konformi mal-Green Deal tal-Unjoni Ewropea. L-għan tal-Green Deal huwa li sal-2050 tinħoloq ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u newtrali għall-klima. Il-parteċipanti se jkunu qed iressqu l-ideat quddiem bord ta’ esperti fin-negozju matul Novembru.

Iktar informazzjoni dwar il-Youth 4 Entrepreneurship Gozo u kif tapplika tinstab permezz ta’ dan il-link.

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, Il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u hija liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).