Il-Bank of Valletta fi sħab mas-seminar tal-EUROFI

Is-seminar tal-EUROFI tal-2017 ġie organizzat f’Malta bejn il-5 u s-7 ta’ April, f’assoċjazzjoni mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija, il-Bank of Valletta qal li appoġġja dan l-avveniment, li fih rappreżentanti għolja mill-industrija tas-servizzi finanzjarji u rappreżentanti tar-regolaturi jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar l-iżviluppi regolatorji reċenti fl-arena tas-servizzi finanzjarji.
Is-seminar huwa wieħed minn żewġ avvenimenti internazzjonali ewlenin li jiġu organizzati minn din l-NGO li jlaqqa’ l-mexxejja tal-industrija u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku, fil-livell tal-UE u fil-livell internazzjonali.
Fost l-oħrajn ġew diskussi l-miżuri u l-istrumenti meħtieġa biex jiżguraw finanzjament xieraq tal-ekonomija tal-UE, l-evoluzzjoni tal-qafas prudenzjali u regolatorju tal-banek u tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni kif ukoll il-prospetti tad-diġitalizzazzjoni u tal-FinTech (it-teknoloġija finanzjarja).