Il-Bank Malti ta’ Żvilupp bi skema għal self iżgħar

Read in English.

Il-Bank Malti ta’ Żvilupp (MDB) introduċa inizjattiva ulterjuri biex jappoġġja negozji żgħar li jitolbu self lill-banek taħt l-Iskema ta’ Garanziji tal-COVID-19 tal-MDB (CGS) mingħajr  il-bżonn li jipprovdu garanziji personali fuq dan is-self.

Fi stqarrija l-MDB qal li dan qed isir biex jappoġġja lin-negozji biex jirpiljaw fid-dawl tar-realtajiet ekonomiċi ta’ bħalissa.

“L-iskema tas-CGS kienet suċċess u permezz ta’ garanzija ta’ 90% ipprovduta mill-MDB, ippermettiet bosta negozji jiksbu self fuq kapital b’rati tal-imgħax sussidjati kif ukoll moratorji fuq self u ħlas lura ta’ imgħaxijiet. Madankollu, kien espress tħassib mill-komunità kummerċjali, b’mod partikolari l-SMEs u min jaħdem għal rasu, anke permezz tal-Kamra tal-SMEs, li n-negozji kienu qed jintalbu garanziji personali fuq il-valur sħiħ tas-self. Dan kien qed ipoġġi lil negozji żgħar f’diffikultà, speċjalment meta jmorru biex jisselfu ammonti mhux kbar,” qal il-MDB.

Biex jindirizza dan it-tħassib, l-MDB qed iniedi Skema ta’ Garanziji għal Self Żgħir (SCLG), li permezz tiegħu huwa qed jipprovdi protezzjoni addizzjonali lill-banek biex ikopri dakk l-10% tas-self li mhuwiex koperti mid-90% garanzija. Min-naħa l-oħra, l-MDB tobbliga lill-banek biex inaqqsu b’mod sinifikanti l-ammont ta’ garanziji personali mitlub fuq is-self. B’hekk, l-SCLG hi soluzzjoni li tindirizza l-bżonnijiet tan-negozji ż-żgħar b’konsiderazzjoni wkoll tar-riskji li jsibu quddiemhom il-banek li qed iservu ta’ intermedjarji.

Din l-iskema kienet approvata mill-Kummissjoni Ewropea fid-29 ta’ Lulju taħt il-Qafas Temporanju ta’ għajnuna mil-istat fil-kuntest tal-għajnuna lill-ekonomija fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus. Il-Kummissjoni Ewropea approvat ukoll interpretazzjoni aktar flessibbli tal-kapital tal-ishma meħtieġ minn intrapriżi żgħar biex jikkwalifikaw għal din l-għajnuna.

Din l-iskema tgħodd għal self sa €250,000 li ġew konklużi mid-29 ta’ Lulju iżda l-banek jistgħu jemendaw ukoll kuntratti li ġew iffirmati qabel din id-data biex jirriflettu l-kundizzjonijiet ġodda. Dwar dan, l-MDB jinsab f’diskussjonijiet mal-banek.

F’kumment dwar din l-inizjattiva, iċ-Chairman tal-MDB, il-Prof Josef Bonnici qal li “il-Bank huwa konxju li n-negozji ż-żgħar huma l-mutur tal-ekonomija Maltija u f’dan il-mument kritiku għall-ekonomija Maltija, ridna nagħtu inċentiv addizzjonali biex niżguraw li dawn in-negozji jkollhom il-likwidità meħtieġa biex joħorġu b’saħħithom minn dawn iż-żminijiet ta’ sfida.”

“Nemmnu li din il-miżura se jkollha impatt qawwi meta tqis li aktar minn 60% tal-benefiċjarji tas-CGS ħadu self ta’ anqas minn €250,000”, temm jgħid Prof Bonnici.