Il-Bank Ċentrali joħroġ ‘ħabba tad-deheb’

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta se joħroġ munita numiżmatika tad-deheb li tirrappreżenta l-one-third farthing.
Il-munita se toħroġ nhar il-Ħamis li ġej u għandha valur nominali ta’ €5 u se tinbiegħ għall-prezz ta’ €60.
Bl‑introduzzjoni tal‑muniti Ingliżi f’Malta fl‑1825, inħasset il-ħtieġa li jkun hemm munita ekwivalenti għall‑grano, li kienet l‑iżgħar denominazzjoni użata fi żmien l‑Ordni ta’ San Ġwann.
L‑ewwel one‑third farthing inħadmet għall‑użu f’Malta fi Frar tal‑1827 fir‑Royal Mint tal‑Ingilterra. Din il‑munita, li kienet magħrufa lokalment bħala l‑ħabba, ma baqgħetx tinħadem wara l‑1913 u jidher li kienet ħarġet miċ-ċirkolazzjoni sas‑snin 30.
Il‑munita numiżmatika tad‑deheb tal‑Bank ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma f'verżjoni proof.
In‑naħa ta’ quddiem tal‑munita turi l‑emblema ta’ Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2015, filwaqt li n‑naħa ta’ wara tal‑munita turi rappreżentazzjoni tal‑ewwel disinn tal‑one‑third farthing użata f’Malta bejn l‑1827 u l‑1860. Il‑munita turi l‑figura ta’ Brittanja bilqiegħda u bil‑foxxna f’idha.
Il‑munita hi maħduma f’0.999 deheb fir‑Royal Dutch Mint, tiżen nofs gramma u għandha dijametru ta’ 11‑il millimetru.
L‑istampar tagħha hu limitat għal 2,500 munita. Il‑munita tista’ tinxtara mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta jew billi timtela l‑formola li tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank.
Aktar dettalji fuq mcdc@centralbankmalta.org jew 2550 6006/7/8.