Il-Bank Ċentrali jbassar riżultati aħjar għall-ekonomija Maltija fl-2016

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed ibassar li matul din is-sena, l-ekonomija ta’ Malta se tikber b’5% – li hu kważi 2% iktar minn dak imbassar iktar kmieni.
Fir-rapport annwali tiegħu, il-Bank Ċentrali rrimarka kemm l-ekonomija Maltija kienet b’saħħitha.
Waqt li t-tbassir għall-2015 kien ta’ 3.4%, dan laħaq is-6.3%.
Minkejja li fl-2015 Malta kellha t-tielet sena konsekuttiva bl-ogħla rata ta’ żieda fl-impjiegi fl-UE, anke matul din is-sena, skont il-Bank Ċentrali, din se tkompli tiżdied b’4% oħra biex ir-rata tal-qgħad taqa’ għall-inqas fl-istorja, dik ta’ 5.1%.
Mir-rapport tal-Bank Ċentrali joħroġ ukoll li d-domanda domestika se tibqa’ l-mutur tal-ekonomija, l-investiment pubbliku u privat mistenni jkompli jiżdied, l-esportazzjoni mistennija tkabbar l-ekonomija b’0.5% u l-inflazzjoni se tkun baxxa bir-rata ta’ 1.2%.
L-esperti qed iqisu li d-dejn nazzjonali mistenni jinżel għal 61% waqt li d-defiċit se jersaq qrib il-1%.