Il-Bank Ċentrali jbassar ekonomija b’saħħitha; żieda fl-inflazzjoni

L-aħħar tbassir ekonomiku tal-Bank Ċentrali jipprevedi li t-tkabbir ekonomiku matul it-tliet snin li ġejjin mistenni li jibqa’ b’saħħtu għalkemm ftit aktar baxx mill-2017.
Skont il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2017-2020, tal-Bank Ċentrali, l-inflazzjoni mistennija titla’ minn 0.9% għal 2.0% sal-2020, l-aktar minħabba żieda fil‑pressjonijiet tal‑ispejjeż domestiċi.
Is-suq tax-xogħol mistenni jibqa’ f’livelli stretti, bir-rata tal-qgħad tkompli tinżel għal 4.1% fl-2017 iżda jgħid ukoll li r-rata mistennija tiżdied xi ftit, hekk kif jimmodera r-ritmu tal-attività.
Minkejja dan, jinsisti li minn perspettiva storika, ir-rata tal-qgħad xorta waħda mistennija tibqa’ baxxa.
L-aktar fatturi li se jħallu l-akbar effett fuq it-tkabbir ekonomiku huma r-riforma fl-enerġija, proġetti ġodda ta’ investiment, żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-esportazzjoni ta’ servizzi.
F’termini ta’ finanzi pubbliċi, il‑bilanċ tal‑Gvern ġenerali hu mistenni li jibqa’ pożittiv bejn l‑2017 u l‑2020.