“Il-Bank APS ta libsa umana lill-ekonomija” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li l-Professur Lino Delia ta “libsa umana lill-ekonomija”, fis-17-il sena li dam imexxi l-Bank APS. Huwa qal dan f’okkażjoni li saret fiċ-ċentru tal-Bank f’Birkirkara sabiex tfakkar l-iritrar tiegħu minn Chairman.
L-Isqof Grech  qal li bil-ħila tal-Professur Delia, il-Bank APS kiteb storja ta’ success biex illum qed iħalli patrimonju għani ħafna. Sostna li l-fqar sabu kenn f’din l-istituzzjoni finanzjarja, għax dejjem mexxa bit-tagħlim soċjali tal-Knisja. Faħħar l-impenn tal-Professur Delia, li fi kliem l-Isqof, irnexxielu “jżewweġ l-effiċjenza finanzjarja u s-solidarjetà”.
Bħala eżempju, l-Isqof t’Għawdex semma diversi inizjattivi li ttieħdu mill-Bank APS fosthom self b’imgħax baxx, skemi għall-intrapriżi ż-żgħar u self għad-djar għal min kien jaqta’ qalbu li xi darba jista’ jkollu daru.
Taħt it-tmexxija tal-Professur Delia, l-Isqof Grech sostna li l-APS sar dar aċċessibbli għall-foqra.
Aċċenna wkoll għall-kunċett tal-etika fil-finanzi, fejn sostna li l-investimenti mhux biss iridu jkunu investiti tajjeb, iżda jqisu wkoll l-aspetti soċjali u ambjentali.
L-Isqof Grech awgura li l-Bank APS jibqa’ jgħożż din ir-ruħ soċjali, fejn awgura lill-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra ta’ Malta biex huma wkoll ma jinsewx jgħinu lill-foqra.