Il-banek Maltin mhux se jkunu affetwati mis-sitwazzjoni f’banek Griegi – PM

“Il-banek Maltin mhux se jkunu affetwati jekk ikun hemm xi problema qawwija f’xi bank Grieg.”
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’kollegament telefoniku fuq ir-Radju tal-Partit Laburista dwar is-sitwazzjoni fil-Greċja.
Muscat spjega li l-banek Maltin m’għandhomx investimenti f’banek Griegi u għalhekk il-banek Maltin m’għandhomx jiġu affetwati f'każ ta' problema f'xi bank Grieg. “Irrid inserraħ moħħ kulħadd li għalkemm is-sitwazzjoni fil-Greċja mhix waħda feliċi, m'hemmx effett dirett fuq il-finanzi ta' Malta,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Dan wara li lbieraħ il-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi fiż-żona Ewro rrifjutaw li l-Greċja testendi l-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja iktar mid-data stipulata tat-30 ta’ Ġunju.
Joseph Muscat qal li s-sitwazzjoni fil-Greċja mhux waħda sabiħa u wara nhar it-Tlieta, hemm ċans li l-Greċja se tispiċċa mingħajr flus. Dan jista’ jwassal biex pagi, penzjonijiet u ħlas ieħor ma jkunux jistgħu jitħallsu. Għalhekk, żied jgħid il-Prim Ministru, x’aktarx li se jkun hemm bżonn għajnuna umanitarja lill-Greċja.
Muscat qal li jinsab infurmat li fi żmien qasir, mill-ATMs Griegi nġibdu mal-kwart ta’ biljun ewro, bil-konsegwenza li diversi ATMs issa mhux qed jagħtu flus, banek ma fetħux u lanqas setgħu jsiru trasferimenti.
Il-Mexxej Laburista ddeskriva bħala irresponsabbli, id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Grieg Alexix Tsipras, li jsejjaħ referendum għal bħal lum ġimgħa, dwar il-pjan ta’ bailout li l-Greċja qed tintalab minn kredituri barranin.  Qal li ma jistax jifhem kif il-Gvern Grieg l-ewwel innegozja u issa qed jgħid in-nies biex jivvutaw kontra l-pakkett iffinanzjat. 
Qal li jekk il-Greċja se tibqa’ ma taċċettax l-għajnuna li qed toffrilha l-Unjoni Ewropea, allura awtomatikament jibda l-proċess biex il-Greċja toħroġ mill-Ewro.
Ilbieraħ, ma’ Newsbook.com.mt il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li ż-żona Ewro għandha numru ta' miżuri u strumenti li mistennija jżommu l-kriżi milli tkompli tinfirex.
Fl-aħħar tax-xahar, il-Greċja għandha tħallas €1.5 biljun lill-Fond Monetarju Internazzjonali.