​Il-bandiera marittima Maltija ssir is-6 l-ikbar fid-dinja, l-ikbar fl-Ewropa

Ir-reġistru marittimu Malti sar is-sitt l-ikbar fid-dinja waqt li kkonsolida l-post tiegħu bħala l-ikbar fl-Ewropa.
Transport Malta, fi stqarrija, qalet li l-pożizzjoni dinjija ta’ Malta fl-2014 tjiebet b’post, mis-seba’ post fl-2013. It-tkabbir tagħha fisser 12.5% fuq iċ-ċifri rekord tal-2013, u bi kważi 6.5 miljun tunnellata oħra ta’ bastimenti.
L-awtorità qalet li sal-aħħar tax-xahar li għadda, kien hemm 2,500 bastiment merkantili jġorr il-bandiera marittima Maltija u l-awtorità kienet ipproċessat iktar minn 191,376 applikazzjoni minn uffiċjali li qed iservu jew iridu jservu fuq bastimenti Maltin.
16,639 applikazzjoni ġew ipproċessati fl-aħħar sena. L-awtorità qalet li dawn iċ-ċifri huma rekord għall-bandiera Maltija.
Ir-reġistru Malti żied ukoll l-għadd ta’ yachts b’bandiera Maltija. Fejn jidħlu superyachts ta’ iktar minn 24 metru tul, dawn żdiedu bi 13.6% fl-aħħar sena għal total ta’ 452 opra tal-baħar.
L-awtorità spjegat ukoll li fl-aħħar sena kompliet taħdem biex ittejjeb il-livell ta’ sigurtà tal-bastimenti li jtajru bandiera Maltija, tant li l-età medja tal-vapuri merkantili issa niżlet għal 7 snin biex l-età medja tal-bastimenti kollha rreġistrati f’Malta issa hi ta’ 12-il sena.
Il-Ministru tat-Trasport, Joe Mizzi, qal li l-fatt li l-awtorità rnexxielha żżid l-għadd ta’ vapuri u tgħolli l-kwalità tal-bastimenti rreġistrati f’Malta jikkonferma li l-istrateġija tagħha, li tiffoka fuq il-kwalità, qed taħdem.
Skont iċ-Chairman ta’ Transport Malta, James Piscopo, ir-riżultati pożittivi jinkoraġixxu lill-awtorità biex tibqa’ taħdem ħalli ttejjeb il-kontribut ta’ Maritime Malta f’investiment barrani u valur miżjud għall-ekonomija Maltija.