Il-banana tinsab fil-periklu

Il-banana hi l-iktar frotta favorita fid-dinja kollha. Minbarra li hi tajba fit-togħma, biex tikolha ma tridx ħafna ħin u subgħajk ma tħammiġhomx  biex tqaxxarha. Imma dan l-aħħar ħareġ il-fatt li l-banana qegħda fil-periklu u tista’ tispiċċa biex ma nsibuhiex aktar.

Ir-raġuni għal din it-theddida ġejja minn marda li tattakka lill-ħamrija li s-siġra  tal-banana tikber fiha. Bħalissa bosta xjenzati madwar id-dinja qed jistudjaw modi kif  jeqirdu fungus qerriedi li qed jattakka għelieqi sħaħ tal-frotta kulfejn tikber.

Il-fungus hu msejjaħ TR4 u ħareġ l-ewwel fil-Panama. Ix-xjenzat Olandiż Harold Meijer mill-Università ta’ Wageningen sab mod kif jirbaħ lil dan il-fungus tal-ħamrija billi kabbar il-banana mhux fil-ħamrija imma fil-materjal imsejjaħ rockwool li jintuża fil-pajjiżi fil-punent tal-Ewropa biex jinsulaw id-djar.

Ir-rockwool isir fil-fabbriki u għalhekk huwa dejjem nadif u ħieles minn kull fungus. Kulma jagħmel ix-xjenzat hu lijidaħħal is-siġra f’dan il-materjal u bla nkwiet ta’ xejn din tagħti l-frott. S’issa, fl-esperimenti li jagħmel, kabbar żewġ ġenerazzjonijiet tal-banana u jinsab ċert li dan hu mod tajjeb biex il-bniedem ikompli jkollu l-frotta li tant iħobb.

L-akbar problema hija li hemm għelieqi tal-banana li huma tassew kbar u wieħed ma jistax jimmaġina kif ineħħi l-ħamrija kollha minnhom u jsiru miksija bir-rockwool.

Ta’ min ikun jaf li kull sena jiġu kkunsmati mitt miljun tunellata ta’ banana.