Il-banana f’riskju li tispiċċa għal kollox

Il-banana tinsab f’riskju li tispiċċa għal kollox minħabba marda tropikali li qed taffetwa l-frotta madwar id-dinja.

Il-Panama disease hija forma ta’ moffa li tattakka l-għeruq tas-siġra u diġà nfirxet fl-Asja, l-Afrika, il-Lvant Nofsani, l-Awstralja u l-Amerka Ċentrali.

Jekk din il-marda tilħaq l-Amerka t’Isfel, riċerkaturi qed iwissu li l-banana tat-tip Cavendish, l-ispeċi li l-aktar tinbiegħ madwar id-dinja, tista tispiċċa għal kollox.

Is-salvazzjoni għal din il-frotta tista’ tiġi minn siġra rari fil-Madagaskar li toffri banana salvaġġa li ma tiġix affetwata minn din il-marda.

Bijoloġi tal-pjanti qed jippruvaw joħolqu speċi ġdida bit-tama li toffri reżistenza lil din il-marda qerrieda.

Hu mifhum li fadal ħames siġar biss mit-tip li jistgħu isalvaw il-banana tad-dinja. Jidher li maż-żmien dawn evolvew biex ikunu jifilħu għan-nixfa u għall-mard.

Dawn is-siġar jikbru fit-tarf tal-foresti fejn ikunu vulnerabbli għall-ħsara mill-maltemp, it-tqattiegħ li jsir mill-bniedem u n-nirien.