“Il-Bambin ħabbna għax ma miet ħadd fit-tiġrif tal-binjiet” – Il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li “l-Bambin ħabbna għax ma miet ħadd” meta ġġarrfu l-binjiet, bl-aħħar waħda fi Gwardamanġa tħalli lil ħames familji bla saqaf fuq rashom. Żied jgħid li sa nhar il-Ġimgħa filgħaxija, kienu daħlu mal-250 reazzjoni għar-regolamenti tal-iskavar tal-Gvern, u insista li l-Gvern issa “dendel il-ġonġol.”

Aqra: Regolamenti Skavar: Ippubblikati għall-konsultazzjoni

Aqra: Filmat: Il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi – Muscat

Joseph Muscat qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq ONE Radio. Qal li peress li issa l-Gvern “dendel il-ġonġol” u hu stess refa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjoni li jitwaqqaf kull tip ta’ twaqqigħ u skavar, ħadd ma jista’ jwaħħal f’ħadd għal li jiġri. Il-Prim Ministru qal li l-pass li jmiss hu li l-Gvern jiżen x’qed jgħidu l-periti, l-iżviluppaturi, u l-bqija ta’ dawk involuti, biex jieħdu d-deċiżjonijiet, li jaf ikun hemm min ma jaqbilx magħhom, u dan x’aktarx ikun min ikollu iżjed responsabbiltà.

Filmati u Ritratti: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

Ftit ġimgħat ilu, waqgħet binja fil-Mellieħa, fejn għal xi ħin kien hemm mara maqbuda fost it-tiġrif.

Aktar kmieni din is-sena, iġġarfet binja oħra, din id-darba fil-Pietà fejn fil-bini kien hemm aktar minn erba’ persuni. 

“Il-kunsilliera Laburisti jridu joqogħdu għall-manifest elettorali tal-PL”

Muscat qal li ħa pjaċir bl-avveniment tal-ħatra tal-kunsilliera tul din il-ġimgħa. Qal li kienet l-ewwel darba li l-kunsilliera ltaqgħu flimkien biex jieħdu l-ġurament flimkien. Qal li huma eletti minn liema partit huma eletti, iridu jagħmlu l-ġid għall-komunità. Il-Kap tal-PL qal li l-PL m’għandu l-ebda ħsieb li jindaħlilhom f’ħidmiethom, ħlief biex jara li l-manifest elettorali jitwettaq. Semma eżempju fejn fil-manifest kien hemm miktub li triq trid titwessa’ – qal li f’dan il-każ, il-kunsilliera bilfors iridu jaqblu għax inkella jmisshom ma ħarġux mal-Partit Laburista.

Aqra: 191 kunsillier ġdid fil-Kunsilli Lokali

Muscat fakkar li dan hu l-ewwel grupp ta’ kunsilli li m’għandhomx għalfejn jinkwetaw fuq it-toroq, peress li l-Gvern qed itemm il-proġett tiegħu ta’ titjib tat-toroq f’Malta kollha. Qal li fil-fehma tiegħu, il-kunsill lokali għandu jikkonċentra fuq l-indafa għax f’Malta l-indafa hija bażika ħafna, u jeħtieġ li titjieb, billi pereżempju, iż-żibel jinġabar fil-ħin.

“Il-ħatra ta’ Miriam Dalli tirrifletti tajjeb fuq il-PL”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ħatra ta’ Miriam Dalli bħala President fil-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fl-Unjoni Ewropea jirrifletti tajjeb fuq il-Partit Laburista, u juri li minkejja l-ħsara li ppruvaw jagħmlu ċertu nies lil isem Malta fil-Parlament Ewropew, il-PL għadu rrispettat mill-S&D.

Aqra: Miriam Dalli tinħatar Viċi President tal-S&D fil-Parlament Ewropew

Fuq bażi Ewropea, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-laqgħat li l-mexxejja Ewropej kellhom nhar il-Ħamis u nhar il-Ġimgħa. Qal li ħafna kienu moħħhom min se jilħaq xiex u fejn, minkejja li din ma kinitx l-iżjed ħaġa importanti fuq l-aġenda. Żied jgħid li ma kienx hemm qbil fuq min għandu jkun il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u għandhom jerġgħu jiltaqgħu l-ġimgħa d-dieħla biex jiddiskutu dan.

Aqra: L-UE timmira li tilħaq ftehim għall-karigi għolja sat-30 ta’ Ġunju

Il-Prim Ministru rrefera għall-qbil, kważi unanimu, biex il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jkollhom miri ambizzjużi dwar il-klima u l-ambjent sal-2050.

Titħabbar ir-riforma tal-liġi tal-kera dalwaqt

Fil-jiem li ġejjin, il-Gvern għandu jħabbar ir-riforma tal-liġi tal-kera, li ġiet approvata wara konsultazzjonijiet twal mal-Grupp Parlamentari. Il-Prim Ministru qal li parti minnha hu li kull kuntratt ta’ kirja fil-pajjiż se jkun reġistrat.

€40 miljun se jintefqu fuq id-diġitizzazzjoni tas-servizz pubbliku

Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq kif il-Gvern qed jipprova jittrasferixxi s-servizzi kollha online, liema proġett se jiswa lill-Gvern €40 miljun. Qal li jekk wieħed għandu jinqeda minn dipartiment għandu jkun hemm tliet għażliet. Hemm dik li għażla tradizzjonali li wieħed imur fid-dipartimenti l-Belt, għalkemm il-gvern irid li din tkun l-aħħar għażla.  Għażla oħra hi li tmur f’ċentru reġjonali fejn tinqeda għal dak li għandek bżonn u t-tielet għażla, li fil-fatt għandha tkun l-ewwel għażla, hi l-applikazzjoni online.

Huwa semma wkoll il-fatt li hemm uffiċċju ta’ Identity Malta fl-Isptar Mater Dei sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jirreġistraw lit-tfal hemmhekk stess, għalkemm qal li jifhem li dik ma tkunx il-prijorità tal-ġenituri f’dak il-mument feliċi.

“Ma tistax tistenna li l-Gvern se jħallaslek ta’ dak li ġralek” 

Aqra: Ħsara maltemp: Jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-bdiewa

L-intervistatriċi staqsiet lill-Prim Ministru dwar ir-reazzjoni tiegħu għall-kritika li qala’ l-Gvern mingħand l-Oppożizzjoni fuq l-għajnuna finanzjarja li se jagħti l-Gvern lill-bdiewa li saritilhom ħsara bil-maltemp fi Frar. L-Oppożizzjoni qalet li din l-għajnuna ma kinitx biżżejjed. Il-Prim Ministru qal li n-nies ma jistgħux jistennew li l-Gvern iħallsilhom ta’ dak li ġralhom, imma fil-każ tal-bdiewa, qed jgħinhom peress li dawn ma jistgħux jiksbu assigurazzjoni finanzjarja.

Aqra: “Il-Gvern qed ikun xħiħ mal-bdiewa li ġarrbu l-ħsarat” – PN