Il-Balzunetta bid-dawl mill-ġdid wara 5 ġimgħat fid-dlam

Facebook / James Aaron Ellul

Ir-residenti Furjaniżi taż-żona tal-Balzunetta għamlu ħames ġimgħat bla dawl sakemm il-provvista reġgħet lura għan-normal ilbieraħ.

Il-Kunsillier James Aaron Ellul din il-ġimgħa wera t-tħassib tiegħu fuq il-kwistjoni, speċjalment peress li ħafna mir-residenti fiż-żona huma anzjani.

Jidher li r-raġuni għall-qtugħ fil-provvista kien il-proġett tar-restawr li għaddej fil-Mall tal-Furjana. Il-Kunsillier Ellul argumenta, iżda, li din mhix raġuni valida biex ir-residenti joqogħdu mingħajr dawl għal ħames ġimgħat sħaħ. Semma kif ir-residenti ma setgħux joħorġu għal passiġġata jew joqogħdu fl-intrata tal-bieb għax bdew jibżgħu.

𝐁𝐥𝐚 𝐝𝐚𝐰𝐥 𝐠ħ𝐚𝐥 𝐤𝐰𝐚ż𝐢 ħ𝐚𝐦𝐞𝐬 ġ𝐢𝐦𝐠ħ𝐚𝐭 ❌💡Din hija sitwazzjoni ta' numru ta' toroq f'Balzunetta fil-Floriana, b'residenti ma…

Posted by James Aaron Ellul on Wednesday, August 26, 2020

Is-Sindku Davina Sammut Hili ħabbret fuq Facebook li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal, u stqarret li għamlet ħilitha kollha biex iseħħ dan.

Għadd ta’ residenti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt ilmentaw bil-qtugħ fil-provvista u qalu li Ellul kien l-uniku wieħed li semma’ leħnu fuq is-sitwazzjoni. B’reazzjoni għat-tiswijiet fil-provvista, il-Kunsillier staqsa, “Kelli nikteb fil-pubbliku biex is-sitwazzjoni titranġa? Kellu l-messaġġ ikun imxerred fil-midja u fuq is-siti?”

Huwa sostna li l-Furjaniżi jixirqilhom aħjar.

Bonġu u l-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd. Sodisfatt. Balzunetta mill-ġdid mixgħula. Grazzi lill-ħaddiema konċernati u…

Posted by James Aaron Ellul on Saturday, August 29, 2020

Dan is-sajf kien hemm bosta lokalitajiet li sofrew minn qtugħ fil-provvista tal-elettriku, pereżempju fil-Gżira fejn kien hemm il-ħsarat fid-djar minħabba dan il-qtugħ, u fil-Gudja.