Il-Baltiċi l-ewwel fl-Ewropa li bdew jivvjaġġaw

REUTERS/Ints Kalnins

Hekk kif daqqew nofs il-lejl tal-Ġimgħa 15 ta’ Mejju, il-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja fetħu l-fruntieri ta’ bejniethom biex b’hekk ħolqu l-ewwel opportunità ta’ vvjaġġar fl-Unjoni Ewropea bil-għan li jgħinu l-ekonomiji jerġgħu jibdew wara li dawn tkissru kaġun tal-pandemija tal-coronavirus.

Ċittadini u residenti tat-tlett nazzjonijiet Baltiċi se jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’mod liberu fi ħdan l-istess reġjun għalkemm kull min jidħol minn barra, se jibqa’ jkollu jservi 14-il ġurnata ta’ iżolament.

“Dik li qed tissejjaħ il-Baltic Travel Bubble hija opportunità għan-negozji sabiex jerġgħu jiftħu, f’dak li qed jitqies bħala xaqq ta’ tama għan-nies sabiex terġa’ tibda’ tgħix ħajja lura għan-normal,” qal il-Prim Ministru tal-Litwanja Saulius Skvernelis.

Din il-mossa mill-pajjiżi ġirien fil-Baltiku waslet hekk kif l-eżekuttiv ta’ l-Unjoni Ewropea qed ifittex li jħeġġeġ is-27 stat membru sabiex jibdew jiftħu l-fruntieri interni tagħhom biex jerġa jibda’ l-ivjaġġar, dejjem skond il-miżuri ta’ sigurtà fosthom l-użu ta’ maskri tal-wiċċ li jridu jintlibsu wkoll fuq l-ajruplan.

L-infezzjonijiet ġodda mill-coronavirus fit-tlett pajjiżi Baltiċi naqsu b’mod drastiku fejn sa l-Erbgħa li għaddew, l-ebda pajjiż ma kien rreġistra iżjed minn seba’ każi ġodda, u l-awtoritajiet ilhom itaffu r-restrizzjonijiet ta’ lockdown sa mill-aħħar ta’ April.

Ir-reġjun kollu rreġistra inqas minn 150 mewta minn din il-marda – medja ferm baxxa meta mqabbla mal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea fosthom l-Italja, Spanja, Franza u l-Ġermanja.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn