“Il-ballun f’saqajn ir-Renju Unit” – In-negozjatur tal-UE dwar Brexit

EUTERS/Dado Ruvic/Illustration

Ir-Renju Unit għandu jibgħat “sinjali ċari” li jrid jilħaq ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar ir-relazzjoni tagħhom wara Brexit. Dan qalu Michael Barnier, li qed imexxi n-negozjati f’isem l-UE qabel aktar diskussjonijiet f’Londra. Huwa sostna wkoll li ftehim sal-aħħar tas-sena għadu possibbli.

Barnier spjega li s’issa, minkejja li l-UE wettqet sforzi biex tiċċaqlaq mill-pożizzjoni tagħha dwar temi bħas-sajd u l-għajnuna statali, ir-Renju Unit għadu m’għamilx pass lejha. Id-diskussjonijiet s’issa saru fil-parti l-kbira b’mod virtwali.

“Il-ballun jinsab f’saqajn ir-Renju Unit”, qal Barnier waqt seminar online. “Nemmen li ftehim għadu possibbli”.

Madankollu, żied jgħid li huwa “diżappuntat” mir-rifjut tar-Renju Unit li jinnegozja dwar politika barranija u difiża iżda kien lest li jaċċetta “element ta’ flessibbiltà” fil-pożizzjonijiet kunfliġġenti dwar is-sajd u garanziji li ma jkunx hemm abbuż fl-għajnuna tal-istat.

Dawn kienu fost l-akbar ostakli biex jintlaħaq ftehim dwar relazzjoni ġdida bejn l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja u l-ħames l-akbar ekonomija. Ir-Renju Unit telaq mill-UE f’Jannar u l-perjodu ta’ tranżizzjoni jiskadi fl-aħħar tal-2020.

Barnier spjega li l-mument tal-verità jasal f’Ottubru meta t-timijiet tan-negozjati għandhom jiffinalizzaw abbozz tal-ftehim b’mod li jkun hemm żmien biżżejjed biex jiġi ratifikat mis-27 Stat Membru sal-aħħar tas-sena.

F’każ ta’ falliment tad-diskussjonijiet, Barnier qal li r-Renju Unit se jbati l-akbar konsegwenzi għaliex jibdew japplikaw kwoti u tariffi kummerċjali. Huwa wissa li l-UE mhux se tidħol għal ftehim akkost ta’ kollox.

Il-Prim Ministru Boris Johnson irid ftehim kummerċjali ristrett mal-UE li min-naħa tagħha trid alleanza li tkopri wkoll oqsma bħat-trasport, is-sajf, is-sigurtà fost l-oħrajn.

Barnier qal li l-UE qed tistenna wkoll li tara preparamenti aktar ċari mir-Renju Unit dwar il-fruntiera sensittiva mal-Irlanda, kif miftehim mill-ftehim ta’ ħruġ mill-Unjoni Ewropea s-sena li għaddiet.

Londra u Brussell ftehmu li jintensifikaw in-negozjati, b’kuntatti ppjanati kull ġimgħa sal-aħħar ta’ Lulju, u li se jkomplu fis-17 ta’ Awwissu wara waqfa tas-sajf.