Il-Ballu tal-President għal darb’oħra f’Għawdex

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nediet il-Ballu tal-President b’risq il-Malta Community Chest Fund li se jsir fis-27 ta’ Ġunju li ġej.
Spjegat kif ir-raġuni għalfejn dan il-ballu se jsir f’Għawdex hija għaliex it-tempji tal-Ġgantija mhumiex biss ġawhra unika f’Għawdex iżda għaliex dan huwa post uniku fid-dinja.
Coleiro Preca qalet li l-Malta Community Chest Fund tħallas kwart ta’ miljun ewro fix-xahar f’terapija, akkomodazzjoni barra l-pajjiż mhux biss għall-pazjenti iżda wkoll għall-familjari u tassisti wkoll fit-trasport li jkun hemm bżonn fil-pajjiż fejn issir it-terapija.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo appella lill-Għawdxin biex jikkonkorru għal din l-attività u jagħtu appoġġ lill-Malta Community Chest Fund.
Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said qal li t-tempji tal-Ġgantija f’Għawdex joffru ambjent mill-isbaħ għal attività prestiġġjuża bħal ma hi l-Ballu tal-President.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew ukoll iċ-Chairman tal-Kumitat, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana Fredrick Azzopardi u Joe Cordina.  
Din hija t-tieni edizzjoni tal-ballu f’Għawdex.
Il-bookings jistgħu jsiru onlajn minn fuq is-sit www.thepresidentsball.com, mill-uffiċini tal-MCCF fil-Belt Valletta, mill-Palazz ta’ San Anton jew mill-uffiċċju tal-MCCF fir-Rabat Għawdex.

Ritratt: MGOZ – George Scerri