Il-Ballata tal-Belt Valletta

Il-Ballata tal-Belt Valletta – Omm il-Maltin hija poema b’kitba ta’ Joe Julian Farrugia li se tixxandar fuq TVM2 illum il-Ħadd 4 t’Ottubru fit-3.15pm. Din il-produzzjoni ta’ Festivals Malta fiha partijiet moqrija u oħrajn irrakkuntati bil-għana… mħallta maż-żfin.

Hija storja ta’ mħabba fittizja bejn La Valette u l-belt Valletta. Waqt il-battalja għal Sant Iermu, il-Gran Mastru ħalef li lill-Maltin jagħtihom belt bħala ommhom, li tkun ukoll maħbuba tiegħu… belt żagħżugħa li ma tiqdiem qatt. Ir-rebħa fl-Assedju l-Kbir tagħti lok li din il-ħolma ta’ La Valette issir realtà. Jitgħaxxaq jara lill-maħbuba tiegħu tieħu l-forma. Bħala l-maħbuba maħlufa għalih jagħtiha kunjomu. Il-mewt dinjija tiegħu toħloq l-ewwel saram, iżda l-imħabba ma tmut qatt…

Ir-rakkont joħodna tul l-istorja tal-belt u kif żviluppat din ir-relazzjoni. Nimxu fil-passi tal-Maltin fil-ġranet tal-imblokk tal-Franċiżi, il-ġlieda għall-għajxien tas-7 ta’ Ġunju 1919 u t-tieni gwerra dinjija. Jintilfu n-nies iżda mhux it-tama…

Jasal żmien meta tirbaħ l-imħabba. Bħal Malta l-belt tieħu rajha f’idejha. Minbarra kapitali tal-Maltin, għal sena l-belt issir anki kapitali kulturali Ewropeja. Dakinhar l-Ewropa saret taf bl-imħabba ma tmut qatt bejn La Valette u l-belt li nissel… belt li rebħet.

Il-qarrejja hija Marceline Galea, l-għannej huwa Mark Tonna filwaqt li ż-żeffiena huma Daron Galea u Rafa Pimienta minn YADA. Il-koreografu huwa Felix Busuttil.