Il-bajja tax-Xlendi terġa’ tinfetaħ għall-għawm

Il-bajja tax-Xlendi reġgħet infetħet għall-għawm.

Fi stqarrija, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika qal li wara li ttieħdu diversi kampjuni tal-ilma baħar tul l-aħħar jiem, irriżulta li ż-żona tal-għawm fil-Bajja tax-Xlendi, Għawdex hija tajba għall-għawm.

Is-Sibt li għadda d-Direttorat ħareġ avviż biex ma jsirx għawm fil-bajja tax-Xlendi. Dan hekk kif il-kwalità tal-ilma f’din il-bajja ma kienx tajjeb għall-għawm.

Għal aktar informazzjoni fuq il-kwalità tal-ilma baħar għall-għawm, il-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq 2133 7333.