Għawdex se jsir aktar nadif?

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret it-twaqqif ta’ timijiet ġodda ta’ ħaddiema biex jintervjenu fil-bajjiet u fiż-żoni ffrekwentati mit-turisti u mill-pubbliku. 
F'konferenza tal-aħbarijiet Dr Caruana qalet  li l-ħsieb wara din l-inizjattiva hu biex ikun hawn struttura organizzata biex isiru interventi fil-pront fejn ikun hemm bżonn u jkun hemm moniteraġġ kontinwu li jiżgura aktar indafa.
Kompliet tgħid li l-ħidma tissokta wkoll fix-xitwa madwar il-kampanja.
Spjegat li l-ħaddiema ta’ dan it-tim huma tal-Gvern u se jkollhom uniformi u vetturi li jidentifikawhom u b’hekk il-pubbliku jista’ jressqilhom l-ilmenti mal-ewwel.
Intant il-passaġġ mal-bajja tax-Xlendi ġie rrijabilitat.
Ix-xogħol li sar mill-Kunsill Lokali tal-Munxar kien jikkonsisti f’kisi mill-ġdid tal-passaġġ, kif ukoll it-tqegħid t’għamara ġdida.
Ix-xogħlijiet  ġew issussidjati mid-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar.