Ordnat jagħlaq il-kjosk wara li reġa’ rama l-umbrelel u d-deckchairs

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u d-Dipartiment tal-Artijiet ordnaw lis-sid tal-kjosk li jikri  l-umbrelel u d-deckchairs biex jagħlaq.
Dan wara li lbieraħ l-MTA neħħew madwar 100 deckchair u 33 umbrella li kienu qed jitramaw b’mod abbużiv fil-bajja ta’ Fra Ben fil-Qawra.
L-operatur ġie avżat li l-MTA flimkien mad-Dipartiment tal-Artijiet kienu se joħorġu multa ta’ €5,000 minbarra xi spejjeż applikabli.
L-MTA kienet qalet li qabel ma’ lbieraħ ordnawlu li jneħħi l-affarijiet, l-operatur kien imwissi kemm-il darba iżda baqa’ jarma xorta waħda.
Aktar kmieni iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal ma' Newsbook.com.mt li l-aġir tal-operatur mhux aċċettabli u li se jieħdu azzjoni drastika.
F’dan is-sajf l-Awtorità Maltija ħadet diversi azzjonijiet fuq bajjiet differenti fosthom il-bajja tal-Armier, Ħondoq u Blue Lagoon.