Il-Bajja tal-Balluta tinsab taħt attakk mill-iżviluppaturi

Read in English.

L-attivist tal-Moviment Graffiti Andre Callus enfasizza li l-Bajja tal-Balluta tinsab taħt attakk mill-iżviluppaturi. Huwa saħaq li l-ewwel ittieħdet l-art ta’ madwar il-bajja u issa qed isir attentat biex jittieħed il-baħar tal-balluta ukoll.

Waqt konferenza stampa organizzata minn 10 għaqdiet mhux governattivi, mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, huma kienu qed joġġezjonaw għall-applikazzjoni biex ikun hemm moll privat fil-bajja tal-balluta. Callus spjega li jekk jingħata dan il-permess se jkun qed jiftaħ triq biex il-bajja tal-Balluta ssir bħal ferries f’Tas-Sliema.

Is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg spjega li bħala Kunsill se jkunu qed jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom biex dan l-iżvilupp ma jseħħx. Huwa saħaq li aktar minn qatt qabel il-kunsill irid ikun il-vuċi tan-nies u spjega li jekk jingħata dan il-permess ifisser li kemm ir-residenti kif ukoll persuni barra minn San Ġiljan se jitilfu post fejn jistgħu jgħumu. Żied li dan huwa wieħed mill-ftit postijiet fejn ir-residenti jistgħu jirrilissaw wara li ħafna mix-xatt ta’ San Ġiljan itieħed mill-iżviluppaturi.

Preżenti wkoll għal din il-konferenza stampa kien hemm is-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop li spjega li bħala Kunsill se jkun qed jappoġġja lill-Kunsill ta’ San Ġiljan għax jista’ jifhem il-problema li tista’ tinħoloq jekk dan il-permess jinħareġ. Spjega li l-Kunsill appella biex il-ferries ta’ Tas-Sliema ikun aktar organizzat u ma jixtieqx li l-Bajja tal-Balluta li biċċa minnha tagħmel parti minn Tas-Sliema jiġrilha l-istess.