Il-bajja ta’ San Ġorġ saret tan-negozji l-kbar – PD

Arkivji

Il-Partit Demokratiku (PD) tkellem kontra deċiżjoni parlamentari li tippermetti tibdil fl-użu taż-żona għal-lukandi ta’ ħdejn il-bajja ta’ San Ġorġ għal waħda li tinkludi anke bini residenzjali. Skont il-kandidat tal-PD għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Anthony Buttigieg, il-bajja ta’ San Ġorġ saret ir-renju tan-negozji l-kbar.

Fi stqarrija, il-PD staqsa numru ta’ mistoqsijet rigward r-reżoluzzjoni parlamentari riċenti li tippermetti l-użu tal-art minn SAS Radisson, Conrinthia San Ġorġ, u Corinthia Marina. Il-Kap tal-PD Godfrey Farrugia żied jgħid li b’dawn it-tip ta’ konċessjonijiet, in-nies mhu qed jieħdu xejn lura ħlief affarijiet negattivi.

Il-PD elenka wkoll numru ta’ mistoqsijiet:

  1. Kif jista’ qatt il-Ministru Konrad Mizzi jiġġustifika l-konċessjonijiet billi jqabbilhom ma’ dawk tad-db Group, meta hu car daqs il-kristall li l-pubbliku kien kontrihom?
  2. Waqt is-smigħ pubbliku tal-Bord tal-PA dwar il-proġett ta’ dB Group kien deher ċar li l-problema ta’ traffiku hi kritika, anke jekk tiġi approvata mina. X’studji saru dwar l-impatt ta’ dan il-proġett ġdid?
  3. Il-Masterplan dwar Paceville giet imwarrba wara diżapprovazzjoni pubblika u minflok kellha ssir oħra. PD jsaqsi x’inhi r-raġuni ta’ dan  l-iżvilipp kollu mingħajr pjan meta  ġew approvati Villa Rosa, Mercury House, Pender Place, dB Group ITS mega project u oħrajn li għadhom iridu jiġu mibnija?
  4. Il-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista kollha jaqblu mal-mod kif dan l-iżvilupp ingħata? Dawk li l-kostitwenza hi minn dan id-distrett x’jaħsbu?
  5. Possibli li kemm il-gvern u l-PN jaħsbu li €68.4 miljun jagħmlu tajjeb għal bidla fl-użu tal-art li kienet mogħtija b’ konċessjoni mill-gvern, liema art hi d-doppju ta’ dik mogħtija lil db Group?
  6. X’inhi r-raġuni li l-Gvern ma jużax il-prezz tas-suq?. Minflok juża entità ta’ accountants ma setax uża l-Assoċjazzjoni tal-Aġenti tal-Bejgħ tal-Proprjetà?