Il-bajja Riviera fost l-aktar bajjiet siguri wara l-pandemija – Forbes

Il-ġurnal Amerikan Forbes semma l-bajja Riviera f’Malta bħala waħda mill-aktar 10 bajjiet siguri għat-turisti wara l-pandemija tal-coronavirus.

F’artiklu maħruġ tlett ijiem ilu, il-magazin tan-negozju elenka l-aktar 10 bajjiet siguri fl-Ewropa la jintemm il-lockdown, partikolarment għall-Amerikani fejn il-coronavirus għamel ħerba sħiħa, billi l-Istati Uniti huwa l-aktar pajjiż bi mwiet bil-virus fid-dinja.

Il-bajja Riviera fl-Imġarr hija s-sitt bajja msemmija, u l-artiklu jgħid li f’Malta kien hemm 55 darba inqas każijiet tal-coronavirus minn pajjiżi Ewropej oħra. Jgħid li Malta għandha aktar sodod fl-isptar għal kull resident mill-Finlandja, l-Irlanda u r-Renju Unit, u li l-coronavirus huwa “limitat.”

Ir-rakkomandazzjoni ttemm billi tgħid li Malta se tkun miftuħa mill-ġdid għat-turisti fl-1 ta’ Lulju, madankollu l-Gvern għadu ma ħabbarx data preċiża meta se jinfetaħ l-ajruport. Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa Newsbook.com.mt staqsa lis-Supretendent tas-Saħħa Prof. Charmaine Gauci dwar dan, u hija qalet li għad m’hemmx deċiżjoni.

Madankollu, ilbieraħ l-Air Malta bdiet tħabbar il-preparamenti tagħha għal meta jiftaħ l-ajruport billi qalet li l-passiġġiera kollha jridu jibdew jilbsu maskra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn