Aquarius: Aġġornata (5): Il-PM f’telefonata mal-President Franċiż

SOS MEDITERRANEE/ Maud Veith

Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat u l-President ta’ Franza Emmanuel Macron iddiskutew waqt telefonata l-aħħar żviluppi b’rabta mal-immigrazzjoni fil-Mediterran.

Muscat u Macron qablu li jaħdmu flimkien bi preparazzjoni għall-Kunsill Ewropew li jmiss.

Uħud mill-Membri tal-Parlament Ewropew qalu li d-deċiżjoni li ħa l-Gvern Taljan li jirrifjuta l-bastiment Aquarius li kien qed iġorr 629 immigrant kienet waħda ta’ “skandlu” u “ta’ mistħija”.

Dan intqal waqt dibattitu mal-ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, u mal-Viċi Ministru tal-Presidenza Bulgara tal-Kunsill tal-UE, Monika Panayotova, illum filgħodu.

Fil-mixja lejn is-Summit tal-Unjoni Ewropea tat-28 u d-29 ta’ Ġunju, l-MEPs qed iħeġġu lill-mexxejja tal-UE biex juru rieda politika reali u jfasslu soluzzjonijiet ġenwini sabiex il-kriżi tal-immigrazzjoni tintemm darba għal dejjem.

Illum l-MEPs ppreżentaw il-prioritajiet tagħhom għas-summit.

Uħud mill-gruppi politiċi appellaw lill-mexxejja tal-UE sabiex is-summit iwassal għat-tmiem tad-diskussjonijiet formali dwar l-immigrazzjoni u biex jibdew jaħdmu fuq ftehim dwar l’hekk imsejħa “sistema ta’ Dublin”.

L-Aquarius irċieva l-aħħar konfirma sabiex is-629 immigrant li ilhom f’limbu fuq il-baħar għal aktar minn 24 siegħa jittieħdu fil-port ta’ Valencia fi Spanja. Uħud minnhom se jittieħdu minn dgħajjes Taljani.

Fi tweet, SOS Mediterranee qalet li t-timijiet li hemm bħalissa jinsabu kuntenti li nstabet soluzzjoni, madanakollu dan se jikkawża dewmien mhux neċessarju hekk kif għandhom minn tal-inqas tliet ijiem ta’ tbaħħir biex jilħqu l-port Spanjol.

L-SOS Mediterranee qalet li l-immigranti ngħataw 950 fliexken tal-ilma, 800 kaxxa noodles u ikel ieħor mill-Forzi Armati ta’ Malta lbieraħ waranofsinhar. Irċivew ukoll ikel, kutri, kpiepel, u kalzetti mill-awtoritajiet Taljani.

 

 

 

“Perikli kbar hekk kif il-baħar qrib il-port għandu imbatt qawwi”

Ġurnalista ta’ Euronews sostniet li mill-mod kif jidher l-imbatt tal-baħar fl-akwati minn fejn l-Aquarius irid jagħmel il-vjaġġ għal Spanja hemm perikli kbar għal dawk kollha abbord il-vapur.

Ilbieraħ Spanja offriet li tieħu l-immigranti abbord il-vapur Aquarius li jinsab bejn Sqallija u Malta madwar 55km ‘il bogħod minn Malta.

629 immigranti ġew salvati matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd f’sitt ħidmiet ta’ salvataġġ mill-Aquarius. Aquarius hi rreġistrata f’Ġibilità.

Skont SOS Mediterranee ta’ Franza, il-vjaġġ tal-Aquarius għal Spanja, li hu twil bejn tlieta u ħamest ijiem “mhux sigur għall-vapur, għall-ekwipaġġ u lanqas għall-persuni li ġew salvati.

Il-ġurnalista spjegat li t-temp aktar ma jgħaddi l-ħin aktar qed jiggrava.

Dan ġie wara bosta battibekki bejn il-Gvern Malti u Taljan dwar min għandu jieħu r-responsabbiltà ta’ dawn l-immigranti.

 

 

Dan ġie kkonfermat ukoll minn SOS Mediterranee fuq l-aġġornamenti live tagħha fuq Twitter mill-bastiment tal-Aquarius.

Min-naħa l-oħra, il-President tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Korsica fi Franza qal li lesti li jilqgħu lill-immigranti fil-port tagħhom li huwa ħafna aktar viċin minn dak ta’ Spanja.

 

 

13-il għaqda Maltija tirringrazzja lil Spanja

13-il għaqda non-governattiva Maltija rringrazzjat lil Spanja talli se taċċetta fi ħdana s-629 immigrant li hemm abbord l-Aquarius.

Sostnew illi li kieku ma kienx għal dan l-att karitattiv, il-battibekki bejn l-Italja u Malta kienu se jwasslu għal diżastru umanitarju.

Saħqu li l-intervent ta’ Spanja kien wieħed ta’ solidarjetà kbira mhux biss bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea imma wkoll mal-immigranti u r-refuġjati li qed jippruvaw isibu ħajja aħjar.

Irrimarkaw li l-protezzjoni tal-ħajja u d-dinjità umana għandha tibqa’ prijorità f’kull ċirkostanza.

Insistew li f’każijiet bħal dawn, pajjiżi tal-kosta għandhom jaħdmu flimkien sabiex jassiguraw li l-persuni maqbuda fuq il-baħar jilħqu l-art mill-aktar fiss.

Il-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiż mhix skuża – Metsola dwar l-immigrazzjoni

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola ntgħażlet biex tmexxi laqgħa li saret bejn il-Presidenza Bulgara, il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea Dimitris Avramopolous, u l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani. Il-laqgħa kienet dwar azzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni.

Metsola qalet li fil-laqgħa ntlaħaq qbil li wieħed ma jistax simpliċiment jistenna li tittieħed azzjoni. Qalet li l-aktar ħaġa importanti bħalissa hija r-riforma tad-Dublin Regulation li hija f’idejn il-Prim Ministri.

Fi kliem Metsola, l-aħħar ċans għar-riforma tas-Sistema Dublin se jkun is-summit tal-Kunsill tal-Ewropa fl-aħħar ta’ Ġunju.

Qalet li jekk il-pajjiżi jużaw il-pożizzjoni ġeografika tagħhom biex jaħarbu mir-responsabbilità, hemm bżonn li jinżammu responsabbli.

Qalet ukoll li dawk il-persuni li ma jkunux eliġibbli għall-protezzjoni għandhom jintbgħatu lura lejn pajjiżhom biex iċ-ċittadini jkollhom kunfidenza fis-sistema li qed tintuża.